Jinżamm arrestat wara li sakkarha fl-appartament tiegħu, qabdilha sidirha u talabha li tagħmel atti sesswali

Il-vittma, li kienet qed tagħmillu l-massaġġi, ġiet imsakkra meta irrifjutat l-avvanzi 

Raġel ta' 31 sena, inżamm arrestat wara li ġie akkużat li żamm mara - li kienet tagħmillu l-massaġġi fl-appartament tiegħu - kontra l-volontà tagħha u li għamel u talab atti sesswali, ukoll kontra l-volontà tagħha. 

L-Indjan tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello dalgħodu stess. Fil-Qorti intqal kif nhar is-Sibt li għadda l-Pulizija rċeviet rapport mill-vittma Ukrena, li stqarret li l-akkużat sakkarha fl-appartament tiegħu, wara li qabdilha sidirha u kuxtejha waqt li kienet qed tagħmillu l-massaġġi. Hija allegat li l-akkużat insista magħha li tagħmel atti sesswali fuqu. 

Meta eventwalment ħarġet mill-appartament, il-vittma ċemplet għall-għajnuna iżda meta l-Pulizija marret fuq il-post l-appartament kien imsakkar. Ġara iżda, li l-persuna li kien joqgħod mal-akkużat wasal fil-mument li kien hemm il-Pulizija u rnexxielu jiftaħ il-bieb. Meta daħlet fil-post, il-Pulizija sabitu fuq is-sodda. 

B'hekk illum huwa ġie akkużat li ikkommetta att ta' natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma u li żammha kontra r-rieda tagħha bil-għan li jisfurzaha tagħmel atti jew tkun vittma ta' atti sesswali kontra r-rieda tagħha. Minkejja dan, huwa ċaħad dawn l-akkużi kollha u ma talabx ħelsien mill-arrest. Intant huwa qiegħed jinżamm taħt arrest sakemm jinstemgħu żewġ xhieda oħra. 

More in Qrati u Pulizija