Priġunerija effettiva wara li nstab ħati li ħaraq bieb ta' ħanut biex jintimida lis-sid

L-imputat kixef ukoll lil sieħbu li qallu biex jiġi miegħu u jaħraq il-bieb tal-ħanut, liema ħabib jinsab akkużat għall-involviment tiegħu fil-ħruq

Brooks Lia ta' 49 sena ngħata sentenza ta' tliet snin u tliet xhur priġunerija wara li nstab ħati li fl-2021 kien ħaraq bieb ta' ħanut tal-fjuri f'Ħal Qormi, waqt li kien għad hemm xi persuni fil-ħanut.

Fil-Qorti kien instema' li sid il-ħanut kien rieqed flimkien ma martu u wliedhom f'residenza fuq il-ħanut, u li n-nar ma kienx infirex hekk kif b'xorti tajba tfewh il-ġirien.

Minn filmati elevati minn cameras tas-sigurtà, kien ġie nnutat li żewġ persuni ħarġu minn karozza. Wara, wieħed minnhom poġġa' jerrycan quddiem il-ħanut u ieħortah in-nar.

Wara li l-Pulizija identifikaw il-karozza u tkellmu ma' sidha, dan qal li l-karozza kienet għand il-mekkanik, liema mekkanik ikkonferma dan. Huwa spjega li kien silifha lil Lia għax kellu bżonn jagħmel xi qadi.

Ġie spjegat li waqt l-interrogazzjoni, Lie ammetta li kien involut fil-ħruq, hekk kif qal li kien intalab imur ma persuna oħra biex jaħarqu l-bieb tal-ħanut. Qal lill-Pulizija li r-raġel l-ieħor qal li ħabib tiegħu kellu jieħu xi flus mingħand is-sid, u ried jagħtih twissija. Ammetta li ta n-nar lill-jerrycan hekk kif beża' mir-raġel l-ieħor, u żvela anke l-identità tiegħu, bħala Damiano Alfio Rannisi Torrisi, li jinsab għaddej bi proċeduri kriminali kontrih fil-Qorti.

Lia ġie ordnat ukoll iħallas €1,183 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti, kif ukoll €135 lis-sid tal-ħanut għall-ħsara li għamel.

More in Qrati u Pulizija