Akkużat li hedded u attakka lis-sieħba ta' missieru filwaqt li hi tatu daqqa ta' mug

L-akkużat ma ammettiex il-ħtija, iżda il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u huwa mifhum li l-Pulizija se jressqu lill-mara wkoll - l-allegata vittma  - quddiem il-Qorti 

Raġel ta' 38 sena kien akkużat quddiem il-Qorti illi hedded u attakka mara waqt argument vjolenti li kellu magħha. L-Ispettur Colin Sheldon qal lill-Maġistrat Astrid May Grima illi l-pulizija ssejħu f'Bormla fejn kien hemm argument bejn l-akkużat, missieru u s-sieħba ta' missieru. L-akkużat allegatament kien qed jhedded lil missieru u lis-sieħba tiegħu li jaħraqhom ħajjin u li jispara lill-annimali li għandhom b'airgun. Huwa allegat li wara hedded u attakka lill-mara, filwaqt li għamlilha ħsara lill-iPhone tagħha. 

L-Avukat tal-Għajnuna Legali tal-akkużat, Mario Caruana, argumenta fil-Qorti illi waqt li kien fil-Kustodja tal-Pulizija l-akkużat ittieħed l-isptar isofri minn concussion, li qal illi kien riżultat ta' daqqa ta' mug mingħand l-allegata vittma. L-avukat qal ukoll illi l-mowbajl in kwistjoni huwa tal-akkużat u mhux tal-vittma. 

L-Ispettur Colin Sheldon li kien qed imexxi l-Prosekuzzjoni irrisponda iżda billi sostna illi l-akkużat kien arrestat wara li hedded illi se jagħmel straġi, għalkemm qal ukoll li l-akkużat kellu ferita f'rasu apparti li kellu strudament u tbenġil. 

L-akkużat ma ammettiex il-ħtija, iżda il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u huwa mifhum li l-Pulizija se jressqu lill-mara wkoll - l-allegata vittma  - quddiem il-Qorti. 

More in Qrati u Pulizija