Jitolbu lill-Qorti biex tipprovdi d-dokumenti marbutin mal-investigazzjoni kontra Mark Camilleri

L-avukati ta' Mark Camilleri talbu lill-Qorti Kriminali biex tipprovdi d-dokumenti konnessi mal-investigazzjoni marbuta mal-akkużi li l-klijent tagħhom kiser l-ordni tal-Qorti meta ppubblika chats ta' Whatssapp bejn Yorgen Fenech u d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar

L-avukati ta' Mark Camilleri talbu lill-Qorti Kriminali biex tipprovdi d-dokumenti konnessi mal-investigazzjoni marbuta mal-akkużi li l-klijent tagħhom kiser l-ordni tal-Qorti meta ppubblika chats ta' Whatssapp bejn Yorgen Fenech u d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar. Dawn l-eluf ta' chats jindikaw mhux biss li t-tnejn kienu f'relazzjoni imma wkoll, rigali u flus li għaddew mingħand Fenech għal Cutajar b'rabta ma' senserija ta' proprjetà fl-Imdina. Messaġġ ieħor li għamel ħafna ħoss kien dak li fih Cutajar tgħid li trid konsulenza mal-ITS ladarba sostniet illi "kulħadd qed jitħanżer."

Fl-applikazzjoni, li nfetħet illum, l-Avukati Difensuri David Bonello u Joseph Mizzi spjegaw illi għalkemm talbu sabiex tkun magħrufa l-evidenza li se tinġieb kontra Camilleri, ir-Reġistru tal-Qorti Kriminali kienet tagħtom biss kopja tad-digriet li ngħata lbieraħ, li ddikjarat illi għandhom jittieħdu passi kontra Camilleri fuq akkużi ta' Disprezz tal-Qorti. Huma qed jitolbu għall-applikazzjoni tad-Deputat Rosianne Cutajar u d-dokumenti sottomessi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wkoll sabiex tkun tista' tieħu l-passi legali neċessarji. 

Iċ-chats kienu ppubblikati, 24 siegħa biss qabel Camilleri kellu jiffaċċja lil Cutajar f'libell li kienet fetħet kontrih, wara li ċaħdet illi kellha relazzjoni man-negozjant. Yorgen Fenech qed jiffaċċja akkużi marbuta mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Apparti l-indikazzjoni ta' relazzjoni dawn iċ-chats juru illi Cutajar kienet irċeviet ukoll diversi rigali mingħand Fenech, fosthom basket tal-Bulgari li kien mogħti lilha permezz ta' Chalie t-Tikka u "40" f'basket marbuta ma' senserija fix-xiri ta' proprjetà fl-Imdina, liema bejgħ waqa' wara li Fenech kien akkużat bil-qtil tal-ġurnalista. Fenech wissa biex Cutajar joqgħod attent "ma jmurx dak il-ħanżir jipprova jeħodhom kollha," qal f'referenza ċara għat-Tikka. L-istess chats juru illi Rosianne Cutajar kienet qed tibża' li t-Tikka, li kien qed jilgħabha ta' sensar ma' Cutajar, fix-xiri ta' proprjetà fl-Imdina kien se jeħdilha mill-flus.

Imbagħad jirriżulta li Cutajar qalet lil Fenech illi mal-"40" kien hemm €9,000 oħra, b'Fenech jwieġeb illi staha jgħidilha.

More in Qrati u Pulizija