Omiċidji li xxukkjaw lil Malta : L-avukat Margaret Mifsud (7)

Margaret Mifsud, omm u avukat li spiċċat vittma ta’ imħabba li switilha ħajjitha. Mifsud, wara li għamlet il-kuraġġ li titbigħed mill-eks raġel tagħha Nizar El Gadi u twaqqaf iż-żwieġ, xorta ma ħelsitiex mill-pussessività tiegħu. Tant hu hekk li dakinhar tad-19 ta’ April, 2012, El Gadi ħadilha ħajjitha mingħajr ma ħalla traċċa ta’ kif għamel dan...

Min hi Margaret Mifsud?  

Margaret Mifsud, omm u avukat li spiċċat vittma – bħal ħafna vittmi oħra ta’ femiċidju fl-aħħar snin – ta’ imħabba li switilha ħajjitha. Mifsud, wara li għamlet il-kuraġġ li titbigħed mill-eks raġel tagħha Nizar El Gadi u twaqqaf iż-żwieġ, xorta ma ħelsitiex mill-pussessività tiegħu. Tant hu hekk li dakinhar tad-19 ta’ April, 2012, El Gadi ħadilha ħajjitha mingħajr ma ħalla traċċa ta’ kif għamel dan.   

X’ġara dakinhar tad-delitt?  

Fit-18 ta’ April 2012, Margaret kellha tiltaqa’ mal-kollegi tagħha għall-ikla f’restorant fix-Xemxija. Dakinhar hija antiċipat li l-eks raġel tagħha seta’ jsus warajha u ddeċidiet li tgħidlu li binthom kienet għadha ma lestietx x-xogħol tal-iskola u li kienet se tibqa’ magħha d-dar u ma toħroġx. Minkejja dan, huwa induna li kienet ħierġa u li din mhix ħaġa li tiġri ta’ spiss u skont l-avukat li mexxa l-prosekuzzjoni, Philip Galea Farrugia – illum id-Deputat Avukat Ġenerali - kienet din ir-raġuni li ħataf l-okkażjoni biex itemmilha ħajjitha.  

Dakinhar tad-delitt, għall-ħabta tal-11a.m., El Gadi kien kera karozza u qal lill-kumpanija li l-ġenituri tiegħu kienu ġew Malta u kien se joqgħod idawwarhom mal-pajjiż. 

Għall-ħabta tat-8p.m., omm il-vittma marret għat-tfal u hemm Margaret għarrfitha li hija kienet se tħalli l-mobile mitfi u li f’każ li jinqala xi ħaġa kellha tikkuntattja lil ħabibtha, Astrid Bonnici. Hija marret għall-istess ħabiba f’Buġibba u t-tnejn reħulha għax-Xemxija. L-ikla spiċċat għall-ħabta tal-11:15p.m. u lkoll telqu mill-restorant flimkien, wasslet lil ħabibtha lura d-dar u aktarx li nqatlet għall-ħabta tan-12:30p.m. u s-1p.m. Sintendi, matul il-lejl kollu, El Gadi kien qiegħed isus warajha.  

Kien l-għada stess li omm il-vittma ċemplet lil ħabibtha, għax bintha ma kinitx irritornat lura d-dar. Hija kienet għarrfitha li kienet wasslitha Buġibba fil-11:30p.m., u dak kien l-aħħar darba li ratha. Kien għalhekk li l-omm irraportatha nieqsa u immedjatament, il-pulizija skattat investigazzjoni għax indunaw li kien hemm xi ħaġa stramba.   

X’intqal fil-Ġuri?  

Il-ġuri fil-konfront ta’ Nizar El Gadi, beda fid-19 ta’ Ottubru, 2015 bejn wieħed u ieħor tliet snin wara. Dan kien ippresedut mill-Imħallef Antonio Mizzi. L-avukat ta’ El Gadi kien Dott. Martin Testaferrata Moroni Vianni. Min naħa l-oħra l-Avukati Kathleen Grima u Arthur Azzopardi kienu parti ċivili għall-familja ta’ Mifsud.  

X’nafu fuq ir-relazzjoni ta’ Margaret ma’ El Gadi?  

Skont dak li ntlaq waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda, Margaret iltaqgħet miegħu meta kienet għadha studenta Universitarja. Mgħomijja bl-imħabba, ftit wara li ltaqgħu żżewġu u marru jgħixu fid-dar tal-ġenituri tagħha, sakemm eventwalment kellhom żewġt itfal.  

Il-Prosekutur Galea Farrugia - li kien akkumpanjat ukoll mal-Avukata Gianella Busuttil - qal illi minkejja li Margaret kellha imħabba ġenwina din ma kinitx reċiprokata minn żewġha, anzi sostna li dan iż-żwieġ kien ta’ konvenjenza biex ikun jista’ jakkwista l-permess tar-residenza f’Malta. Tant hu hekk li ntqal diversi drabi li ma kienx jitrattaha sew u li kien moħħu f’nisa oħra. Fil-fatt, hu stess kien jiftaħar li ma jistax jara mara.  

Margaret, b’din l-attitudni quddiemha, iddeċidiet li tapplika għall-annullament taż-żwieġ, li eventwalment wasslet biex ħaditu. Għalkemm mhux daqstant ċari r-raġunijiet għaliex tkeċċa mill-pajjiż, meta telaq mir-residenza tal-ġenituri ta’ Margaret, il-pulizija infurmatu li din kienet se taffettwalu r-residenza tiegħu f’pajjiżna.   

Tajjeb li nsemmu wkoll li, qabel ma ġie estradit lejn pajjiżu, El Gadi affaċċja akkużi serji oħra inkluż li hedded li kien se jagħmel bomba lill-Ambaxxata Amerikana u li kien involut f argument f’Birkirkara li matula qala daqqiet ta’ sikkina. Punt interessanti huwa illi Margaret poġġiet l-interess ta’ El Gazi qabel tagħha u talbet lill-avukat Arthur Azzopardi, l-istess avukat li assista l-familja tagħha fil-ġuri u li kien ilu jafha s-snin, biex jirrappreżentah fil-Qorti.  

Meta eventwalment dan intbagħat lura pajjiżu, hija għamlet it-talba li dan jerġa’ lura Malta għall-aħjar interess taż-żewġ uliedha.  

Waqt il-ġuri Galea Farrugia qal illi dan “l-iżball” sewa’ ħajjet l-omm u li ma ħalla ebda riżultat mixtieq fuq familtha. Meta huwa kien qiegħed jgħix magħha, huwa baqa’ jkun vjolenti – tant li kien hemm inċidenti li fihom ried jifgaha - bħalma eventwalment għamel – u kien iwerwer lit-tfal.  

Lura għall-24 ta’ Marzu 2012, il-Pulizija kienet irċeviet rapport li El Gadi, sakkar lill-uliedu fil-kamra tas-sodda u ipprova jifga lil martu waqt li jgħajjat “jew int jew it-tfal, għażel.” Kien dan l-attentat li wassal biex tkeċċa minnufih minn darha iżda xorta baqa’ jiġri warajha, isegwi l-movimenti tagħha u jibagħtilha diversi messaġġi.  

Każ ċar ta’ dan kien nhar it-Tnejn 16 ta’ April 2012, jumejn qabel id-delitt, Margaret marret tiġbor lil uliedha mill-iskola iżda huwa daħal fil-karozza u qalilha biex imorru l-bandli. Margaret irrifjutat u l-għada ġara l-istess. Marret tiġbor lil uliedha mil-lezzjonijiet tal-ballet, daħal fil-karozza u talab biex jieħu lit-tfal il-McDonalds jew il-BurgerKing. Meta eventwalment marru jieklu l-Pizza Hut, ħadu ritratt flimkien bħala familja iżda Maragret insistitet li r-relazzjoni li xi darba kien hemm bejniethom, kienet intemmet.  

“X’diskors seta’ sar ma nistgħux inkunu nafu, iżda li nafu hu li l-vittma saqet lejn il-Magħtab u ipparkjat ħdejn it-Torri tal-Għallis. L-iskop tiegħu kien li jkun f’post imwarrab biex iwettaq l-għan tiegħu,” qal Galea Farrugia.  

Id-delitt kien wieħed partikolari għaliex filwaqt li ntqal li hija mietet fgata ma kien hemm ebda indikazzjoni fiżika ta’ dan. Aktar tard insiru nafu, anke minn rakkonti u xhieda tal-forensiku Dott Mario Scerri li El Gadi tela fuq sider il-vittma u uża pressjoni kbira, tant illi l-pulmun tagħha ma setax jitla’ u jinżel kif normalment jagħmel biex jipproduċi n-nifs. Wara dan għolla lura s-seat li kienet fuqu.  

Evidenza li turi illi hija kienet imċaqalqa wara mewtha kienet illi d-demm li kien ħareġ minn imniħirha kien mexa għal ħdejn għajneha. Dan ifisser illi, bil-mod ta’ kif instab il-katavru, id-demm seta’ biss jitla ‘l fuq minn imniħirha, għal għajnejha. Sintendi, dan żgur li mhux possibbli u għalhekk waslu għal konklużjoni li din ġiet imċaqalqa.  

“Minkejja li huwa ħaseb li għamel il-qtil perfett, l-akkużat ġie arrestat u tressaq il-Qorti għaliex nesa li jekk tħalli l-mobile mixgħul se tħalli traċċa fejn tkun qiegħed. Nesa wkoll li hemm il-cameas tas-CCTV. Nesa wkoll illi taħt difrejn il-vittma kien hemm it-traċċi tad-DNA,” qal l-Avukat Galea Farrugia.  

F’intervista fil-programm televiżiv ‘Dakinhar li Malta inħasdet’ l-Avukat Azzopardi qal illi mhux l-ewwel darba, tnejn jew tlieta li El Gadi kien ftaħar mal-vittma li hu kien jaf joqtol mingħajr ma jħalli traċċi u li l-pulizija ma kienet taqbdu qatt. Tant kienet ilha tisma’ dan il-kliem illi kienet kitbet dwar dan fid-djarju tagħha. Fost it-theddid li affaċċjat il-vittma kien hemm ukoll li huwa kellu ħbieb Libjani li kienu kapaċi joqtluha fi Strada Stretta. F’xi xhud, aktar tard fil-ġuri jingħad li l-vittma bdiet tibża’ tmur toqgħod ma’ El Gadi f’Ħal Lija għax qabel kien qalilha li hemm seta’ joqtol u jidfen persuna. 

L-ewwel xhieda tal-każ kien is-Supretendent Keith Arnaud, dak iż-żmien Spettur, illi qal li fit-tfitxxija fil-kamra tas-sodda ta’ Margaret instab dokument bi kliem ta’ theddid.  

Wara li seħħ id-delitt El Gadi kien kiteb ittra xejn pjaċevoli lil uliedu li fiha kien jgħid: “Kull min qalilkom li jien qtilt lil ommkom huwa giddieb. Tiftakru meta jien u ommkom bisna lil xulxin meta konna l-Pizza Hut? Jekk nikkommetti suwiċidju dan nagħmlu għax inħobb lil ommkom.”  

Importanti li nsemmu wkoll li waqt il-ġuri ntqal li El Gadi kien pussessiv ħafna tant li kien jgħid li jew tkun tiegħu, jew ma tkun ta’ ħadd.  

Arnaud qal li l-ewwel stqarrija ta’ El Gadi kienet illi huwa l-aħħar li ra lill-vittma kien fit-8p.m. meta talabha li tagħtih is-CV tiegħu li kellha fuq il-komputer tagħha. Aktar tard huwa biddel il-verżjoni u qal illi mar għas-CV hu f’darha.  

Matul il-ġuri ħareġ li El Gazi kellu diversi verżjonijiet għaliex dakinhar tal-qtil kien qiegħed ix-Xemxija, l-istess lokalità tal-eks mara tiegħu, inkluż għax ried jagħti l-petrol.  

Arnaud qal ukoll illi omm il-vittma irrakkontat episodju fejn El Gadi kien inħeba fil-bagoll tal-karozza ta’ Margaret biex jgħallimha li hu kien kapaċi jsus warajha mingħajr ma tinduna.  

Xhud ieħor ta’ importanza għal dan il-każ kien dak tal-Ispettur Carol Fabri li stqarret dwar l-esperjenza ta’ uliedhom. Qalet li l-ulied kienu irrimarkaw li l-ġenituri tagħhom kienu jargumentaw ta’ spiss. Waħda mit-tfal saħansitra qalet li missierha kien kaxkarha minn xagħrha u ta daqqa ta’ ħarta, proprju għaliex ma kinitx għamlet it-tazza f’postha.  

Eventwalment, il-ġurati intwerew filmat tax-xhieda tal-ulied. Bi qbil saret id-deċiżjoni li l-ulied ma jerġgħux jixhdu bil-għan li jevitaw li jerġgħu jgħaddu minn trawma. Fix-xhieda tagħha, simili għal dak li kien intqal qabel, qalet li l-missier kien vjolenti ħafna u li l-aħħar darba li kienet rat lil missierha semgħetu jgħid “Margaret ħudni lura, aħfirli.” Hija qalet li missierha kien lest li jħaddan ir-reliġjon Kattolika, li lest li jkun raġel tajjeb biex jgħixu flimkien bħala familja. Madankollu irrakontat li ommha kienet taf li dan kollu kien gideb.  

Inqrat ukoll l-istqarrija ta’ oħtha, li fiha hi wkoll qalet li kien vjolenti u li kien jirrabja għalxejn. Tant li kien hemm okkażjoni meta kien għajjarha stupida u li xtaq joqtolha.  

Omm il-vittma qalet li l-aħħar darba li rat lil bintha – ftit sigħat qabel ma nqatlet - kienet qaltilha li kienet beżgħana għal ħajjitha iżda l-omm assigurata li ma kien se jiġrilha xejn.  

X’qal El Gadi waqt il-ġuri?  

Waqt ix-xhieda tiegħu El Gadi qal li omm Margaret qatt ma kienet aċċettat lilu u r-relazzjoni tagħhom. Fil-fatt hija kienet temmen li hu kien qiegħed jidħaq b’margaret. Dak iż-żmien El Gadi u Margaret kienu jgħixu fid-dar ta’ ommha. Huwa insista repetutament li qatt ma ġie aċċettat għaliex hu kien Għarbi u kien dan l-atteġġjament li wassal biex hu u martu bdew ifittxu dar f’Ħal Lija. Huwa sostna wkoll li kien ixxukkjat bix-xhieda ta’ uliedu u li qatt ma kien iħallihom neqsin minn xejn.  

Punt interessanti kien li minkejja l-marki viżibbli li kellha Margaret – wara l-ewwel attentat ta’ qtil fuqha – El Gadi ċaħad l-akkużi kollha u kull ma kellu x’jgħid fuq dan l-attakk kien li għamel lejl arrestat id-depot.  

El Gadi issa jiġi mistoqsi dwar id-DNA li nstabet fuq Margaret. L-esperta Marisa Cassar qalet li taħt difrejha l-vittma kellha aktar DNA tiegħu milli tagħha stess. Mistoqsi fuq hekk huwa qal li dakinhar kellu x’jaqsam sesswalment mal-vittma għall-ħabta tat-8p.m. f’Birkirkara, l-aħħar darba li qal li raha. L-avukat Busuttil kienet irrimarkat li fit-8:30p.m. Margaret kienet marret għand il-ħabiba tagħha u l-iqsar rotta lejn Buġibba kienet ta’ 18-il minuta. Għaldaqstant irribattiet ili f’perjodu ta’ 12-il minuta hu kien mar jistenniha ħdejn ir-residenza tagħha sakemm ħarġet, daħal id-dar ħa s-CV u kellhom x’jaqsmu ma’ xulxin. Għal dan huwa irrimarka li ma kellux ħafna ħin x’jitlef u ħalef fuq il-Koran li kien qiegħed jgħid il-verità.  

Baqa’ jinsisti li hu u Margaret kellhom relazzjoni amikabbli u li kienet tavdah, kieku ma kinux imorru jieklu flimkien ma’ uliedhom. Argument li d-difiża sostniet darba oħra.  

Fost l-argumenti tad-difiża kien hemm ukoll li huwa ma kellux statura fiżika kbira biex qatilha b’mod daqstant krudili. Apparti minn hekk argumentat illi t-tfal kienu brainwashed u li l-inċident tal-24 ta’ Marzu kien kollu gideb. Saħanistra akkużaw lill-Ispettur li kien ra l-marki madwar għonq Margaret meta kien ipprova jivagaha. Baqgħu jinsistu li El Gadi kien is-suspettat għax kien Libjan.  

Id-difiża reġgħet qajmet il-punt dwar it-traċċi tad-DNA li nstabu taħt difrejn il-vittma u qalet li El Gadi u Margaret kellhom x’jaqsmu ma xulxin f’karozza u li hija kienet missitlu xagħru.  

X’kien il-verdett?  

Wara l-indirizz tal-Imħallef u erba’ sigħat ta’ deliberazzjonijiet, il-ġurati sabu lil El Gadi ħati skont l-att tal-akkuża bi tmien voti kontra wieħed. Il-Qorti ordnatu għomru l-ħabs u b’ħames perjodi ta’ 10 ‘ijiem iżolament kull sena. Huwa kien mitlub li jħallas €17,660.44 bħala spejjeż legali u li jekk ma jitħallsux b’mod immedjat, dawn jiġu ikkonvertiti f’terminu ta’ priġunerija.  

Ftit mumenti wara li ingħata għomru l-ħabs huwa dahar fuq Arnaud għamel mossa qisu se jisparalu u qallu “issa int imiss.” Għal dan huwa weħel multa addizzjonali ta’ €5,000 u tliet xhur oħra mas-sentenza li diġà kien qed jiskonta.  

Aktar riċenti huwa appella l-verdett u s-sentenza fuq il-bażi li kien hemm irregolaritajiet matul il-ġuri u li kawża ta’ hekk, qatt ma seta’ jinstab ħati tal-omiċidju ta’ eks martu. Fil-fatt allega wkoll li dan kien kollu frame-up fil-konfront tiegħu.  

Minkejja dan, l-isforz tiegħu kien għalxejn hekk kif il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u mill-Imħallfin Joseph Zammit McKeon u Edwina Grima, ċaħdet iż-żewġ appelli tiegħu u ddeċieda li l-kunsiderazjonijiet dwar is-sejba ta’ ħtija tiegħu l-piena inflitta kienu fil-parametri tal-liġi u kkonfermaw sentenzi tiegħu. 

More in Qrati u Pulizija