Inkjesta: 'L-Istat falla milli jipproteġi lil Bernice Cilia minħabba n-nuqqas ta' riżorsi'

Cilia inqatlet nhar it-22 ta' Novembru li għadda u llejla l-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri ippubblikaw l-inkjesta ta' dan il-femiċidju

L-inkjesta fil-każ tal-femiċidju ta' Bernice Cassar ikkonkludiet illi l-Istat falla milli jipproteġi lil Bernice Cilia, "minħabba n-nuqqas ta' riżorsi" u "żieda fix-xogħol." 

Dan intqal illejla mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt konferenza li fiha ippubblikaw l-inkjesta dwar dan il-femiċidju

Cilia, omm ta' żewġt itfal, inqatlet fi sparatura - allegatament minn żewġha stess, Roderick Cassar - li seħħet fiż-żona industrijali ta' Kordin, fuq wara tal-binja tal-MCAST u l-eks Liċeo ta' Kordin.

Dakinhar, fis-sigħat bikrin ta' filgħodu, instemgħu diversi tiri ta' arma tan-nar fiż-żona, f'dak li għall-ewwel kien maħsub bħala inċident tat-traffiku.

Infakkru li l-Pulizija wettqet operazzjoni ta’ iżjed minn 17-il siegħa u Cassar ġie arrestat wara rejd fid-dar tiegħu fis-2:30a.m. Il-Pulizija tal-Ispecial Intervention Unit (RIU) sgassaw u daħlu fl-appartament tal-allegat aggressur li jinsab fit-tieni sular ta’ blokka ta’ appartamenti fi Triq il-Kataġiniżi, il-Qrendi fejn hemmhekk ġew sparati numru ta’ flash blanks u r-raġel ġie arrestat fi ftit ħin.

Fuq il-post il-pulizija sabet ukoll l-arma li x’aktarx kienet intużat fl-omiċidju. Ilbieraħ, il-Pulizija qalet li Cassar ma għandu l-ebda liċenzja biex ikollu arma tan-nar.

X'ħareġ mill-Qorti? 

Żewġ ħaddiema fil-kumpanija Merit, fejn kienet taħdem il-vittma, saħqu li kienu semgħu xi għajjat mit-triq u fil-fatt wieħed mill-ħaddiema beda jieħu filmat tal-inċident. Fuq dan il-filmat l-avukat ta' Cassar, Franco Debono, irrimarka li l-filmat ma jkoprix il-mument li ġew sparati t-tiri iżda biss l-argument ta' bejniethom.

F'dan il-filmat, Bernice tinstema tgħajjat għall-għajnuna filwaqt li l-akkużat beda jiddevja lil karozzi li kienu fl-akkwati. Apparti minn hekk Cassar ipparkja l-karozza tiegħu bit-tali mod li jiblokka t-triq. Xhieda ieħor ipprova jagħti l-għajnuna u meta kien ra lil Bernice mal-art ħaseb li kienet weġġgħet fl-inċident. 

Minkejja dan Cassar għeddu li jisparalu jekk ma jitlaqx minn fuq l-post, tant hu hekk li sema' lil Cassar jikkarga s-senter u sema xi tiri.  Ix-xhud stqarr li kien bezgħan. 

Intant kien hemm koppja oħra li kienet rat lil vittma mal-art, bħax-xhud l-ieħor. Meta resqet aktar qrib lejha hija rat lill-akkużat jimmira żewġ tiri lejn il-vittma. Meta raw dan, wieħed mix-xhieda ried isuq lejn l-akkużat iżda x-xhud l-ieħor beda jibża'. 

Intant il-ħames xhud kienet fiż-żona u rat iż-żewġ vetturi tal-akkużat u l-vittma u ċemplet minnufih in-numru 112 għall-assistenza. Hija qalet li rat l-akkużat jispara numru ta' tiri lejn il-vittma, wieħed f'sidirha u l-ieħor lejn ir-ras. Hija wkoll ikkunsidrat li ssuq lejn l-akkużat iżda beżgħet għal ħajjitha. 

Apparti minn hekk xhieda oħra li rat il-karozza tal-vittma fuq il-midja soċjali, meta ċemplet lil Bernice, weġibha Cassar u qalilha li kien qatel lil Bernice. 

Intant l-Ispettur żied jgħid li Cassar ġie ezaminat psikoloġikament u nstab li kien qiegħed f'qagħda stabbli biex jitressaq il-Qorti. Infakkru li waqt l-interrogazzjoni, meta l-uffiċjali wrew lil Cassar il-filmat ma wera l-ebda emozzjoni u qal li jiddispjaċih għal dak li wralha. Min-naħa l-oħra beda jibki meta ssemmew uliedu. 

Pawney spjega wkoll li l-familja tal-vittma qalet li ma kienux jafu bil-problemi li kellhom il-koppja qabel Jannar li għadda. Maż-żmien saru jafu bl-argumenti u l-vittma kienet marret tgħix għal rasha meta Cassar heddidha. Sa sigħat qabel il-qtil, Cassar ipprova jċempel lill-vittma diversi drabi. 

Aqra aktar: 

Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat. 

More in Qrati u Pulizija