Plejer tal-football li qala' karta ħamra jiċħad li saq fuq tnejn minn nies wara l-logħba

Ir-raġel kien akkużat ili pprova jweġġa' lil żewġ irġiel, barra l-Istadium ta' Ta' Qali. Huwa qed ikun akkużat ukoll illi hedded żewġ plejers tat-tim ta' Ħal Lija u li saq b'mod perikoluż...

Footballer tat-Tim Mqabba FC ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat illi saq il-karozza tiegħu fuq partitarji ta' Lija Athletic FC nhar il-Ħadd li għadda f'argument li seħħ wara logħba bejn iż-żewġ timijiet. 

Ir-raġel ta' 25 sena minn Ħal Qormi kien akkużat ili pprova jweġġa' lil żewġ irġiel, barra l-Istadium ta' Ta' Qali. Huwa qed ikun akkużat ukoll illi hedded żewġ plejers tat-tim ta' Ħal Lija, li saq b'mod perikoluż kif ukoll li insulta lil dawn it-tnejn. 

L-Avukat Difensur Veronique Dalli spjegat li l-akkużat kien ingħata l-karta l-ħamra fit-73 minuta tal-logħba l-Ħadd, bejn l-Imqabba u Ħal Lija u kien ukoll suġġettat għal tgħajjir u insulti huwa u ħiereġ mill-piċċ. L-argument kompla għaddej wara li l-logħba spiċċat u laħaq il-qofol tiegħu f'tgħajjir u offiżi. Hija qalet li ma hu vera xejn li l-akkużat saq fuq in-nies u sostniet li dan jista' jkun ikkonfermat permezz tal-filmati CCTV.  

L-Avukat Peter Fenech, li qed jidher parte civile għall-vittmi, qal illi dawn kienu lesti li jaħfru lill-akkużat u jwaqqgħu l-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ma oġġezzjonax għall-ħelsien mill-arrest. 

Il-Qorti għalhekk tat il-ħelsien lill-akkużat u imponiet ordni ta' protezzjoni favur żewġ plejers. Huwa kien ordnat jiffirma kull ġimgħa u jipprovdi depożitu ta' €300 u garanzija personali ta' €10,000. L-akkużat ma jistax jersaq lejn iż-żewġ plejers. 

More in Qrati u Pulizija