18-il sena stennija għall-ġustizzja biex Habesh u Mahouachi ma jinstabux ħatja tal-qtil ta' Simone Grech

Ismael Habesh u Faical Mahouachi ma jinstabux ħatja li qatlu lil Simone Grech

B’sebgħa voti kontra tnejn, Ismael Habesh ma nstabx ħati li f’April ta’ 18-il sena ilu qatel lil Simone Grech ta’ 20 sena mis-Siġġiewi. Bi tmien voti kontra wieħed, raġel ieħor mit-Tuneżija, Mahouachi Faical ma nstabx ħati wkoll ta’ dan il-qtil.

Il-ġurati taw il-verdett tagħhom ilejla wara tmien sigħat jiddeliberaw fi tmiem 12-il jum jisimgħu bosta xhieda fosthom lil Jacqueline Rapinett, ix-xhud ewlenija tal-prosekuzzjoni.

IKTAR KMIENI: Il-ġurati fl-każ tal-omoċidju ta' Simone Grech, 18-il sena ilu - daħlu jiddeliberaw wara li d-Difiża u anke l-Prosekuzzjoni għamlu l-argumenti tagħhom.

Grech inqatlet lura fl-2005 u nstabet mejta fi stat avvanzat ta' dekompożizzjoni f'għalqa fil-Marsa. Il-fatt li l-ġuri dam biex beda daqstant żmien wassal għall-kritika qawwija, inkluż mill-illum.com.mt, lejn is-sistema ġudizzjarja u d-dewmien eseġerat li jwassal biex jintilef kull sens ta' ġustizzja fir-rigward tal-vittmi. 

X'ġara eżatt u għaliex? 

Simone Grech, magħrufa preċedentament bħala Simon Grech, instabet mejta f'għalqa ħdejn is-Salib tal-Marsa wara li kienet ilha irrapportata nieqsa mis-7 ta' April 2005. Grech instabet imdawwra bil-ħaxix fi stat ta' dekompożizzjoni. Hija nstabet mill-Pulizija meta ngħatat informazzjoni li Grech kienet tiffrekkwenta dawk l-akkwati minħabba l-prostituzzjoni. 

Ismael Habesh issa ta' 51 sena mil-Libja u Faical Mahouachi mit-Tuneżija ġew mixlija li qatlu lil Grech. Dakinhar tad-delitt intqal li allegatament Grech kienet qed titlajja għal skopijiet ta' prostituzzjoni meta ġiet avvinċinata miż-żewġ akkużati. 

Waqt il-kumpilazzjoni ta' evidenza fis-snin ta' qabel irriżulta li Grech kienet f'relazzjoni ma' Habesh. Ġara li huma kellhom argument hekk kif Grech riditu jitlaq lill-mara tiegħu biex imorru jgħixu flimkien. Aktar kmieni wkoll, ħabiba ta' Grech kienet sostniet li Habesh ma riedx jagħmel dan minħabba l-fatt li ċ-ċittadinanza tiegħu kienet marbuta maż-żwieġ tiegħu, peress li huwa kien miżżewweġ Maltija. 

B'hekk huma qed jiġu mixlija li qatlu lil Grech, li kellhom fil-pussess tagħhom sikkina u li Habesh kellu vettura tat-tip Ford Escord misruqa. 

Tidħol fix-xena Jacqueline Rapinett...

Prostituta rat il-qtil ta' Simone Grech quddiemha, marret ma' klijent u reġgħet irritornat lura fuq ix-xena tad-delitt, iżda beżgħet titkellem għax kienet mhedda. Jacqueline Rapinett saħqet li kienet iltaqgħet magħha u kienet innotat li kellha xi demm ma’ idejha hekk kif kellha argument, iżda mhux ma’ Habesh. Fil-fatt kienet talbet il-mobile ta’ ħabibtha biex iċċempillu biex jipproteġiha. Aktar tard Grech iltaqgħet ukoll ma’ persuna li kienet tiffrekwenta l-istess akkwati u qaltilha li kienet aggredita minn xi ħadd li prova jisirqilha l-mobile. Fil-fatt hija qalet li rat lil Habesh jagħti lil Grech bil-mus. 

L-Ispettur Chris Pullicino, li kien jagħmel parti mis-CID xehed li kien irċieva ittra anonima li fiha kien hemm miktub li Jacqueline Rapinett kellha informazzjoni fuq il-każ. Hija bdiet tibża' titkellem ma' Pullicino iżda imbagħad biddlet fehmtha. Hija kienet stqarret li rat id-delitt iseħħ quddiemha minn Habesh u Faical Mahouachi. Hija kienet irrakkontat li rathom joqtluha, marret ma' klijent u eventwalment reġgħet irritornat lura fix-xena tad-delitt. 

Hija kienet stqarret ma' Pullicino li Habesh kien heddidha li jekk titkellem kien se jagħmlilha dak li għamel lil Grech. 

Jixhed l-eks Kummissarju Silvio Valletta

Xehed ukoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li dak iż-żmien kien Spettur fis-CID. Valletta qal li persuna Għarbija marret għand il-Pulizija hekk kif dakinhar li nstabet Grech, Habesh deher inkwetat.

Valletta ġie mistoqsi fuq Mario Farrugia, mekkanik li kellu garaxx il-Marsa u li kien jaf lil Grech. Huwa kien informa lil Pulizija li l-Erbgħa 6 ta' April Grech marret ħdejh u talbitu sigarett. Meta mbagħad ħarġet mingħandu sema' lil Grech tgħajjat li kien hemm min qiegħed jiġri warajha. Minkejja dan, meta Farrugia ħareġ mill-garaxx kien ra lil vittma waħedha. 

Valletta ikkonferma wkoll dak li qal Pullicino, jiġifieri li Rapinett kienet rat liż-żewġ akkużati jwettqu r-reat. 

X'qalet omm Simone Grech? 

Sfortunatament omm Grech, Anna Grech, mietet qabel ma rat li ssir ġustizzja għal bintha. Għaldaqstant waqt il-ġuri inqrat ix-xhieda tagħha li ngħatat fi żmien li seħħ id-delitt. L-omm qalet li hi u bintha "kienu close," u dak iż-żmien Simone ma marritx id-dar u ma kinitx ċemplitilha minkejja li kienet iċċemplilha ta' spiss. Kien għalhekk li ddeċidiet li tagħmel rapport l-Għassa tas-Siġġiewi u bdiet tqassam ir-ritratt tagħha biex jippruvaw isibuha. 

Hija qalet li kienet oħtha, u mhux il-Pulizija, li qaltilha li kienu sabu lil Simone. B'risposta għal dan l-omm qalet "la tiġi aqta' kemm se ntiha," imbagħad ġiet infurmata li kienet mejta.

Hija kienet taf bir-relazzjoni li kellha bintha ma' Habesh u li tliet ijiem wara li ġiet nieqsa, Habesh mar ifittixha d-dar u mar jagħmel rapport l-għassa ma' missierha. 

L-Espert legali Dr Mario Scerri xehed ukoll fil-każ u spjega kif Grech ma nqatlitx fl-għalqa fejn instab il-ġisem tagħha. Jgħid ukoll illi hi kienet sofriet ħafna ġrieħi kkawżati bl-attakk u li nstabu daqqiet bis-sikkina fuq kopptejha, il-ġenitali tagħha, sidirha, għonqha u anke rasha, għalkemm l-aktar li sofriet minn ġrieħi kienet fuq sidirha. Huwa kompla jgħid li l-ġrieħi kienu jindikaw illi l-vittma kienet konxja meta kienet qed tiġi attakkata u li kienet qed tagħmel li tista' biex tiddefendi lilha nnifisha.

More in Qrati u Pulizija