Editorjal | 17-il sena tistenna... Tal-mistħija!

Li ġuri fuq każ idum 17-il sena biex jibda jinstema' mhux talli mhijiex ġustizzja, talli hija travestija tagħha u disservizz enormi lejn il-memorja ta' Simone Grech, il-ġenituri tagħha - li minn dakinhar lil hawn ħallew din id-dinja, lil qrabatha, lill-ħbieb tagħha u lill-komunità trans f'pajjiżna

Din il-ġimgħa kienet iddominata mill-aħbarijiet mill-Qorti, hekk kif is-sena politika bdiet pjuttost kajmana, fi kliem ieħor kompliet fejn ħalliet tmiem l-2022. U din il-ġimgħa smajna kif delitt li seħħ 17-il sena ilu, propju nhar it-Tnejn beda l-ġuri dwaru.  

Dan l-editorjal mhux se jidħol fil-merti tal-kawża li għaddejja u lanqas il-ħafna argumenti li jista' jqajjem dwar il-femiċidju (mill-ġdid), il-prostituzzjoni u kwistjonijiet oħrajn li jkun tajjeb li jitqajmu ladarba l-każ jingħalaq. Għalissa dan l-editorjal jixtieq ifakkar fl-espressjoni bl-Ingliż: Justice delayed is justice denied.  

U jekk kien hemm każ fejn il-ġustizzja damet ma saret, anzi biex ikunu korretti damet b'mod eseġerat biex tibda issir, huwa proprju dan il-każ. Tant dam biex beda dan il-ġuri li mhux talli ma saritx ġustizzja ma' Simone Grech, talli lanqas imqar saret ġustizzja mal-familja tagħha, mal-ġenituri tagħha li ħallew din id-dinja.  

Il-vera għarukaża ta' proporzjonijiet immensi. Forsi għax Simone Grech ma kinitx magħrufa jew forsi għax għal ħajjitha ħadd ma ħareġ jipprotesta jew iħabbat fuq il-borom jew għax għal politiċi Simone Grech ma kienet ħadd ta' konsegwenza.  

Imma l-mara li tissimbolizza l-ġustizzja proprju għalhekk li tinsab b'għajnejha mgħammda, għax għal ġustizzja u quddiemha kulħadd ugwali, kulħadd l-istess u ma tagħmilx differenza jekk intix sinjur jew fqir, influwenti jew inkonsekwenzjali, intelliġenti jew injorant, hemm fuq jew hemm isfel. Il-ġustizzja hekk suppost taħdem.  

Huma x'inhuma r-raġunijiet li jista' jagħti xi ħadd. Plawsibbli u ġustifikati kemm xi ħadd jista' jimmaġinahom. Li ġuri fuq każ idum 17-il sena biex jibda jinstema' mhux talli mhijiex ġustizzja, talli hija travestija tagħha u disservizz enormi lejn il-memorja ta' Simone Grech, il-ġenituri tagħha - li minn dakinhar lil hawn ħallew din id-dinja, lil qrabatha, lill-ħbieb tagħha u lill-komunità trans f'pajjiżna.  

Basta nitkellmu fuq il-governanza tajba. Li tistenna 17-il sena biex jibda każ hija governanza ħażina. Insult. Xejn inqas u xejn aktar.  

Ejja naraw li d-dewmien fil-Qrati jitnaqqas. Ejja naraw li l-ġustizzja ssir f'waqtha dejjem u f'kull każ.  

Kemmuna jonqos biex vera nkunu tlifna ruħna! 

Għax ma bnejniex biżżejjed! Kemmuna jonqos taqa' vittma ta' aktar żvilupp, trab, konkos u qerda!  

Ikun ta' għajb kbir jekk jingħata permess li jkun ifisser li anke Kemmuna tibda tinbena. In-nies mhux ċwieċ. Jafu għax issa draw, li l-ewwel nibnu fejn ma hemmx mibni, imbagħad jinħoloq preċedent u bħala konsegwenza jinbena kullimkien. 

Jekk anke Kemmuna nibnu, jekk anke f'Kemmuna se jirrenjaw il-gafef u l-krejnijiet mela allura verament dan il-pajjiż ikun tilef ruħu darba għal dejjem. Ikun tilef l-aħħar xrara ta rispett lejh innifsu. Verment dan il-poplu ikun ħalef - attivament jew passivament - li jeqred lil pajjiżu stess. 

Dan l-editorjal jingħaqad mal-Moviment Graffitti, bħal dejjem fuq quddiem fil-protezzjoni ta' artna kontra l-ħniżrijiet u anke ma' bosta oħrajn, fosthom l-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo, u jappella kontra kull żvilupp li jmur lilhinn minn dak eżsistenti f'Kemmuna.  

Anzi, dan l-editorjal jixtieq li l-Gvern imur pass oltrè u jbiddel Kemmuna kollha f'park naturali, bħal dak tal-Majjistral.  

More in Politika