Aġġornata | Pelin Kaya identifikata bħala l-vittma li mietet b'daqqa ta' karozza

Minkejja li l-mara ttieħdet l-Isptar ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara 

Il-mara ta' 30 sena mit-Turkija li tilfet ħajjitha fis-sigħa bikrin ta' filgħodu wara li ntlaqtet minn vettura tat-tip BMW ġiet identifikata bħala Pelin Kaya. Rapporti qed jgħidu li Kaya illum għalqet snina. Kaya, li hija oriġinarjament minn Istanbul kienet interior designer u kienet taħdem f'ħanut tal-għamara. Hija kienet tgħix il-Gżira, qrib il-post li tilfet ħajjitha. 

Ix-xufier tal-karozza ġie identifikat ukoll bħala Jeremie Camilleri, malti ta' 33 sena li twieled Franza u joqgħod Ħal Lija. Wara li tajjar lil Kaya, il-vettura ta' Camilleri laqtet waħda mill-infrastrutturi tal-pompa tal-petrol Paul & Rocco u wara baqgħet dieħla ġo faċċata tal-istabbiliment tal-KFC, fi Triq Testaferrata fl-Imsida. Camilleri kien qiegħed bil-probation hekk kif fit-2 ta' Jannar ammetta li seraq vitamini b'valur ta' €92. Huwa kien kiser il-kundizzjonijiet ta' ordni ta' probation fuq każ ieħor li kellu fil-Qorti ta' Għawdex, fi Frar 2021. 

Wara li l-vettura baqgħet dieħla ġol faċċata tal-istabbiliment Camilleri niżel mill-vettura u sar agressiv ma' xi nies li kien hemm fuq il-post u li pruvaw jagħtu l-għajnuna lill-vittma u mal-Pulizija, li ntalbet l-għajnuna tagħhom għall-ħabta tas-1:00 a.m. Apparti minn hekk qiegħed jingħad li huwa beda jgara l-ġebel lill-vittma. 

Filwaqt li beda jheddidhom u jwaddab xi ġebel li sab fl-art, il-Pulizija tawh ordni biex ineħħi l-ġebel minn idu, iżda injora l-ordnijiet. Kien hawn li kellu jintuża taser biex ir-raġel jiġi ikkontrollat u arrestat. Sorsi li tkellmu mal-MaltaToday qalu illi r-raġel kien taħt l-influwenza tal-kokaina. 

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanza ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, iżda sfortunatament, hi ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara.

Intant diversi nies daħlu fuq il-profil tiegħu ta' Facebook u kkummentaw fuq il-posts li kellu inkluż li huwa "qattiel" "żibel" u "majjal." 

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. Ix-xufier ittieħed l-isptar ukoll u qiegħed jinżamm mill-Pulizija, waqt li l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija