Omiċidju Simone Grech: Testijiet forensiċi juru illi l-vittma kellha daqqiet ta' sikkina ma' ġisimha kollu

L-espert Mario Scerri spjega kif hi kienet sofriet ħafna ġrieħi kkawżati bl-attakk u li nstabu daqqiet bis-sikkina fuq kopptejha, il-ġenitali tagħha, sidirha, għonqha u anke rasha

Il-vittma tal-omiċidju li seħħ 18-il sena ilu Simone Grech ppruvat tiddefendi lilha nnifisha kemm setgħet hekk kif kienet qed tiġi attakkata b'sikkina. Hekk semgħu l-ġurati dalgħodu hekk kif kompla jinstema' l-każ kontra żewġt irġiel akkużati bil-qtil tagħha.

L-Espert legali Dr Mario Scerri llum xehed fil-każ kontra Ismael Habesh ta' 52 sena mil-Libja u Faical Mahouachi ta' 55 sena mit-Tuneżija. 

Scerri spjega kif Grech ma nqatlitx fl-għalqa fejn instab il-ġisem tagħha. Jgħid ukoll illi hi kienet sofriet ħafna ġrieħi kkawżati bl-attakk u li nstabu daqqiet bis-sikkina fuq kopptejha, il-ġenitali tagħha, sidirha, għonqha u anke rasha, għalkemm l-aktar li sofriet minn ġrieħi kienet fuq sidirha. Huwa kompla jgħid li l-ġrieħi kienu jindikaw illi l-vittma kienet konxja meta kienet qed tiġi attakkata u li kienet qed tagħmel li tista' biex tiddefendi lilha nnifisha.

Fil-ġuri sa issa kien diġà rriżulta li l-vittma ingħatat 17-il daqqa ta' sikkina. Meta nstabet Grech kienet fi stat avvanzat ta' dekompożizzjoni, xi ħaġa li l-espert ikkonferma filwaqt li spjega kif meta ġisem jibda jiddikomponi jaqa' x-xagħar u allura d-daqqiet ikunu jidhru ħafna aktar. 

L-espert spjega li wħud mid-daqqiet kienu iżgħar minn oħrajn fuq il-vittma filwaqt li l-akkużat ukoll kellu numru ta' daqqiet u grieħi, kollha ħfief. 

L-avukat Anthony Vella u Abigail Caruana Vella qed imexxu l-Prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila deheru għal Habesh. L-avukat Simon Micallef Stafrace deher għal Mahouachi. 

L-Avukat Roberto Montalto qed jidher f'isem Grech. 

More in Qrati u Pulizija