F'Mater Dei pulizija qallu biex jilbes il-maskra... L-akkużat iwieġeb billi jagħtih daqqa ta' ponn

Ir-raġel ta' 26 sena kien diġà tressaq il-Qorti, fuq akkużi li ta daqqa ta' sikkina f'wiċċ sieħbu fl-2015

Raġel deher quddiem il-Qorti hekk kif ġie akkużat illi ta daqqa ta' ponn lill-pulizija li kien qed jgħidlu biex jilbes maskra fl-Isptar Mater Dei. Ir-raġel ta' 26 sena minn Wied il-Għajn tressaq quddiem il-Qorti mill-Ispettur Eman Hayman quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia. L-akkużat - li ma għandux impjieg - bħalissa qiegħed jgħix fl-Isptar Monte Carmeli. 

L-Ispettur Haymen spjega kif l-akkużat kien kkawża ġrieħi gravi fuq il-pulizija meta tah bil-ponn. Il-membru tal-Korp kien stazzjonat l-Isptar ra lill-akkużat jippassiġġa fl-Isptar mingħajr maskra, u filwaqt li waqqfu u fakkru li jrid jilbes maskra indikalu minn fejn jista' jixtri waħda. Minn hemmhekk qam argument bl-akkużat jagħti daqqa ta' ponn lill-uffiċjal f'wiċċu. 

L-akkużat kien arrestat fuq il-post. 

Ir-raġel kien diġà ġie akkużat illi fl-2015 ta daqqa ta' sikkina lil sieħbu fwiċċu u kienu ilu ngħata l-ħelsien mill-arrest mill-2019.

Huwa kien akkużat illi kkawża ġrieħi ta' natura gravi fuq il-pulizija, li heddu u li ostakolah milli jaqdi dmiru, filwaqt li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 

L-avukati Difensuri, argumentaw illi ma kien hemm ebda biża' li ż-żagħżugħ ibagħbas mal-evidenza, hekk kif l-inċident kien iffilmjat fuq il-bodycam tal-pulizija. 

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest. 

More in Qrati u Pulizija