Il-Qorti tordna li Jonathan Ferris jingħata €20,000 kumpens wara li l-Korp 'kisirlu d-drittijiet tiegħu'

Jonathan Ferris kien fetaħ proċeduri kontra l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar wara li dan ma aċċettahx lura fil-Korp wara li kien twaqqaf mill-impjieg tiegħu fl-FIAU

L-eks spettur tal-Pulizija u l-eks uffiċjal tal-FIAU, Jonathan Ferris, ingħata €20,000 f’danni wara li l-Qorti sabet li saret diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu mill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Ferris kien fetaħ il-proċeduri fl-2019 kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u kien qed jisħaq li dan kisirlu d-drittijiet tiegħu meta ma aċċettax li jerġa’ jingħata l-impjieg lura mal-Korp wara li fi kliemu, kien tkeċċa “b’mod abbużiv” mill-FIAU. 

Ferris kien imkeċċi mill-Financial Intelligence Analysis Unit f'Ġunju 2017, ftit biss wara li kien beda jaħdem hemm. 

Fl-applikazzjoni kostituzzjonali tiegħu, Ferris kien qal li hu kien mħeġġeġ biex jidħol fl-FIAU f'Mejju 2016. Minkejja li talab illi jkun sekondat hu kellu jirreżenja mill-Korp biex ikun jista' jidħol fl-FIAU, għal kuntrarju ta' dak li seħħ ma' uffiċjali oħra tal-Korp. 

Hu qal li fl-FIAU innota nuqqasijiet u kien talab li jkun aċċettat lura fil-Korp iżda minflok kellu l-impjieg itterminat mingħajr spjega.  

Ferris dejjem sostna li ma jistax jifhem għaliex ma kienx aċċettat lura u dan meta persuni oħra ġew impjegati lura mingħajr problemi. 

Hu talab lill-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali biex tiddikjara li t-trattament lejh kien wieħed diskriminatorju u jiksirlu d-drittijiet tiegħu. 

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili qablet mal-argumenti ta’ Ferris, bl-Imħallef Toni Abela jordna li l-eks Spettur jingħata €20,000 f’kumpens. 

Min hu Jonathan Ferris?

Ferris kien ukoll fiċ-ċentru tal-allegazzjonijiet li saru dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama. Waqt ix-xhieda tiegħu lill-inkjesta Ferris kien qal illi tranżazzjoni ta' $600,000 għaddiet minn persuna esposta politikament (PeP) mill-Ażerbajġan għall-kumpanija Buttardi, tal-ħabiba ta' Michelle Muscat.

Analiżi forensika ma kienet sabet ebda traċċi ta' din it-tranżazzjoni bejn Leyla Aliyeva - bint id-dittatur Ilham Aliyev u l-kumpanija Maltija. 

Eventwalment, il-pulizija kienu interrogaw lil Ferris f'Awwissu 2018 wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta illi fiha Aaron Bugeja (dak iż-żmien il-Maġistrat Inkwerenti) jistaqsi kif dan kien wasal għall-konklużjoni li tali tranżazzjoni kienet saret.

Ferris kien qed jiltob li jingħata status ta' whistleblower fuq informazzjoni li jgħid li għandu fuq korruzzjoni fl-FIAU. L-applikazzjoni tiegħu ma kinitx ġiet milqugħa. 

Jonathan Ferris kien allega wkoll li l-eks Ministru u eks Kummissarju Ewropew John Dalli kienu qallu illi Egrant kienet tfisser 'Election Grant' u kienet tal-Partit Laburista. Dalli kien ċaħad tali konverżazzjoni. 

Kien dan kollu li wassal biex l-eks Spettur tal-Pulizija jiġi akkużat bi sperġur  - jiġifieri li gideb waqt li kien qed jixhed fl-istess inkjesta. 

More in Qrati u Pulizija