Ma hemm ebda possibilità li l-ġuri jinstema' mill-ġdid la ammettew l-ħtija - Ifakkar Imħallef lill-aħwa Degiorgio

L-Imħallef Grazio Mercieca ma jilqax talba tal-aħwa Degiorgio li kienu qed jisħqu illi d-drittijiet inkisrulhom meta ma kinux inklużi fl-eżaminazzjoni tax-xhieda...

Il-Qorti ma aċċettatx talba li tittratta d-drittijiet tal-bniedem, liema każ kien imressaq mill-aħwa George u Alfred Degiorgio. Huma qed jisħqu li inkisrulhom id-drittijiet tagħhom, meta waqt l-Att ta' Akkuża huma ma kinux inklużi fl-eżaminazzjoni tax-xhieda.

Il-każ - li infetaħ fl-2021 - huwa wieħed mill-każi Kostituzzjonali li nfetħu mill-aħwa Degorgio qabel ma beda l-ġuri, liema ġuri dam għaddej biss ftit sigħat wara li l-aħwa ammettew il-ħtija. Huma qed jargumentaw li l-Maġistrat li kienet qed tmexxi l-kumpilazzjoni kontrihom irrifjutat li tordna l-esebizzjoni tar-recordings ta' Melvin Theuma f'dan il-każ. 

F'deċiżjoni mill-Imħallef Grazio Mercieca - li ppresieda il-Qorti Kostituzzjonali - huwa ma laqax it-talbiet tal-aħwa u fakkar illi kienu l-aħwa li ammettew il-ħtija tar-reati msemmija fl-Att ta' Akkuża, "li jfisser illi ma hemm ebda possibilità li jsir ġuri mill-ġdid."

George u Alfred Degiorgio intbagħtu 40 sena ħabs kull wieħed wara li ammettew il-ħtija, tal-involviment tagħhom fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Huma kienu ordnati jħallsu €42,930 fi spejjeż. 

More in Qrati u Pulizija