Repubblika tispjega kif minħabba 'tkaxkir tas-saqajn' uffiċjali tal-Bank Pilatus jistgħu jeħilsuha ħafif

L-Avukat Jason Azzopardi saħaq li għax għadda wisq żmien, diġà ma jistgħux jittieħdu passi dwar żewġ reati msemmija fl-Inkjesta Maġisterjali dwar il-Bank Pilatus u jappella lill-Qorti Kostituzzjonali biex ma tkunx kompliċi f'dan it-tkaxkir tas-saqajn

Il-Qorti Kostituzzjonali kienet imħeġġa biex ma tippermettix li aktar reati allegatament imwettqa minn uffiċjali tal-Pilatus Bank, jispiċċaw time-barred, jiġifieri ma jkunux jistgħu jittieħdu passi dwarhom għax ikun għadda ħafna żmien fuqhom.

L-Avukat Jason Azzopardi, f’isem Repubblika għamel dan l-appell dalgħodu, hekk kif il-Qorti Kostituzzjonali bdiet tisma’ l-każ miftuħ mill-Avukat tal-Istat.

Azzopardi qal li minħabba ż-żmien li għadda, diġà ma jistgħux jittieħdu passi dwar żewġ reati indikati mill-inkjesta maġisterjali dwar il-ħasil ta’ flus f’dan il-bank.

L-ewwel reat huwa dwar dikjarazzjonijiet foloz quddiem awtoritajiet pubbliċi li miegħu jista’ ġġor piena ta’ sentejn ħabs. It-tieni reat huwa dak dwar sħubija f’organizzazzjoni uffiċjali bħala uffiċjal, direttur jew maniġer ta’ entità. Dan ir-reat waħdu, iġġorr miegħu sa piena massima ta’ disa’ snin ħabs u multa ta’ €116,000.

Azzopardi insista li ż-żewġ reati, minħabba t-tkaxkir tas-saqajn tal-Maġistrat Nadine Lia “bl-għajnuna tal-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija” spiċċa għadda wisq żmien minn fuqhom biex issa jittieħdu passi.

Huwa akkuża lill-Istat li qed jiġri biss wara ż-żgħir u qal lill-Imħallfin li l-Avukat tal-Istat iridhom kompliċi miegħu biex tirrenja l-impunità.

L-Istat qed jappella minn deċiżjoni tal-ogħla Qorti, meħuda mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey li ordna li l-Maġistrat Nadine Lia temporanjament ma tibqax tisma’ l-proċeduri li Repubblika fetħet kontra l-Kummissarju tal-Pulizija.

Repubblika qed jakkużaw lill-Kummissarju li naqas milli jieħu azzjoni kontra numru ta’ uffiċjali tal-Bank Pilatus li huma msemmija fl-inkjesta maġisterjali li swiet il-miljuni.

More in Qrati u Pulizija