Tal-laħam jaħsel il-flus? Il-każ jibda mill-ġdid minħabba żball tal-Prosekuzzjoni

Il-kawża bdiet sentejn ilu meta l-koppja ġiet akkużata li qed titħallas permezz ta' ċekkijiet ta' benefiċċji soċjali 

Ritratt mill-Arkivji
Ritratt mill-Arkivji

Madwar sentejn ilu koppja ta' 60 sena, sidien ħanut tal-laħam, ġiet akkużata b'ħasil tal-flus u li kisru l-liġijiet li jitrattaw il-banek hekk kif allegatament, klijenti tagħhom li kellhom problemi finanzjarji kienu jħallsuhom permezz taċ-ċekkijiet tal-benefiċċji soċjali. Filwaqt li din il-kawża sa' llum kienet għadha pendenti, issa se jkollha tibda' mill-bidu hekk kif sar żball min-naħa tal-Pulizija. Dan hekk kif il-Pulizija bdiet tmexxi l-kawża mingħajr ma ġiet iddelegata uffiċjalment mill-Avukat Ġenerali (AĠ). 

Din il-koppja tressqet quddiem il-Qorti f'Settembru tal-2020. L-avukat preċedenti tal-koppja kien saħaq li l-klijenti kellhom ħanut żgħir tal-laħam u l-klijenti tagħhom li kienu jbatu finanzjarjament kienu jagħtuhom l-għażla li jħallsu bil-mod. Dakinhar il-koppja ċaħdet l-akkużi miġjuba kontriha u ngħatat il-ħelsien mill-arrest hekk kif l-akkużat kellu diżabilitajiet serji u l-koppja kellhom tifel bi bżonnijiet speċjali li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. 

Intant illum l-avukat mill-uffiċċju tal-AĠ talbet lill-Qorti biex terġa' tressaq lill-ispettur tal-prosekuzzjoni bħala xhieda biex tkun tista' tagħmel talba għad-delega lill-Kummissarju tal-Pulizija. L-avukat talab ukoll biex ix-xhieda li kienu ssejħu waqt din il-kawża fis-snin ta' qabel biex ma jerġgħux jisseħju kif ukoll biex l-evidenza ma terġax tiġi preżentata. Madankollu l-avukati difensuri talbu biex il-proċeduri jibdew mill-ġdid u kien hawn li l-Qorti aċċettat din it-talba. 

Apparti minn hekk f'din l-istess seduta, espert forensiku finanzjarju ressaq kopja tar-rapport tiegħu stess, li fih ikkonkluda li d-dħul irraportat fid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul ta' din il-koppja kien jidher wieħed leġittimu. Minkejja dan l-espert qal li ma setax jistabilixxi jekk id-dħul kollu tagħhoom kienx iddikjarat b'mod korrett. Ma eskludix ukoll jekk iċ-ċekkijiet addizzjonali tal-koppja oriġinaw minn sors leġittimu. 

L-espert żied jgħid ukoll li ma kienx hemm indikazzjoni jekk din il-koppja imponietx miżata fuq il-klijenti tagħha jew ir-raġuni għaliex persuni terzi ngħataw aċċess għall-kont bankarju tal-akkużati. 

More in Qrati u Pulizija