Jattakka lil martu u lil binha fuq argument li beda meta xi ħadd ħalla żarbun fil-kuritur

Ir-raġel allegatament kien se jagħti daqqa ta' pala tal-metall lil iben martu 

Ritratt mill-Arkivji
Ritratt mill-Arkivji

Raġel ta' 52 sena minn Marsaskala tressaq quddiem il-Qorti akkużat li weġġa' gravament lil mara tiegħu kif ukoll li attakka u hedded lil binha, li huwa adult, fuq argument li beda meta xi ħadd ħalla żarbun fil-kuritur. 

L-ispettur f'dan il-każ qal li fit-12 ta' Novembru l-allegati vittmi - il-mara tal-akkużat u binha - marru jagħmlu rapport ta' vjolenza domestika għand il-Pulizija. Huma sostnew li l-akkużat u t-tifel ta' martu,  li ma kienx il-missier bijoloġiku tiegħu, kellhom argument miegħu hekk kif xi ħadd minnhom kien ħalla ż-żarbun fil-kuritur. Aktar tard meta t-tifel mar ikellem lill-akkużat biex itemm l-argument, l-akkużat ipponta pala tal-metal lejn għonqu. 

L-argument eskala, tant li l-akkużat deher li kien se jagħti daqqa ta' pala fuq ras it-tifel. Kien hemm li l-omm interveniet iżda dan wassal biex l-akkużat imbuttaha. Aktar tard, l-akkużat ta daqqa ta' ponn lil martu, tant li kellha bżonn tagħmel xi punti f'għajnejha.

L-iben sostna li allegatament, dan ma kienx l-ewwel episodju ta' vjolenza. Fil-fatt qal li nqala' argument madwar sentejn ilu iżda dakinhar ħadd ma kien weġġa'. 

Il-Maġistrat laqgħet it-talba tal-akkużat li jingħata ħelsien mill-arrest hekk kif ommu, li għandha 87 sena, saħqet li tista' tilqgħu ġewwa darha, li minkejja li kienet f'Marsaskala stess mhix fl-istess żona tar-residenza tal-vittmi.

Għaldaqstant huwa ingħata l-ħelsien bil-kundizzjoni li jħallas depożitu ta' €1,000 u garanzija personali ta' €8,000. Il-vittmi ingħataw ordni ta' protezzjoni biex l-akkużat ma jersaqx lejhom. Il-Qorti ordnat ukoll li l-ismijiet ma jiġux ippublikati. 

More in Qrati u Pulizija