Christian Borg meħlus minn akkużi illi impjega ħaddiema barranin bla permess

Il-Maġistrat Nadine Lia tgħid illi fuq il-każ l-investgazzjoni tal-pulizija kienet waħda "superfiċjali"

Christian Borg kien meħlus minn akkużi illi impjega ħaddiema barranin mingħajr permess f'Car Wash f'Ħal Farruġ wara li l-Qorti ddeċidiet li r-rabtiet bejnu u l-kumpanija in kwistjoni ma setgħux ikunu ppruvati. Borg - flimkien ma' ħamest irġiel oħrajn - qed ikunu akkużati illi ħatfu, sawwtu u heddew raġel. Borg kien ukoll f'nofs kontroversja hekk kif il-PM Robert Abela kien l-avukat tiegħu.

F'din id-deċiżjoni il-Maġistrat Nadine Lia ħelset lil Borg wara li nnutat kif il-Prosekuzzjoni ma stabbilitx min kien sid il-Car Wash u li l-prosekuzzjoni rabtet in-negozju ta' Borg - Goldcar Operations Ltd. - mal-istess Car Wash li kien jisimha Goldcar Car Wash. Hija qalet illi l-evidenza li torbot dawn it-tnejn kienet waħda skarsa. 

Il-Maġistrat qalet ukoll illi hija konvinta li hemm rabta bejn Borg u l-ħaddiema barranin, iżda mhux permezz ta' Goldcar Operations. Hija qalet ukoll li l-Prosekuzzjoni għamlet żball kbir meta ma għajtitx għal ċerti xhieda li jgħixu Malta, kuntrarjament għall-ħaddiema in kwistjoni, filwaqt illi kkritikat ukoll dak li sejħet "investigazzjoni superfiċjali" mill-pulizija. Hija qalet li l-investigazzjoni ma saritx kif suppost u li l-Prosekuzzjoni qagħdet biss fuq dak li qal l-akkużat, li wara rriżulta li minn dak li qal mhux kollox kien veritier. 

 

 

More in Qrati u Pulizija