Raġel minn Birkirkara li ma għandux xogħol ammetta li matul ix-xahar li għadda seraq karozza minn raħal twelidu.
Huwa tressaq il-Qorti akkużat li seraq il-karozza fil-lejl ta’ bejn it-18 u d-19 ta’ Settembru.
Id-Difiża ddeskriviet dan il-każ bħala wieħed soċjali u kien għalhekk li talbet li l-każ ikun diskuss fil-privat mal-Maġistrat.
L-Ispettur qal lill-Qorti li l-Pulizija investigat rapport ta’ serqa ta’ karozza li ma kellix pjanċi tar-reġistrazzjoni. Din insterqet minn parkeġġ.
Filmati tas-sigurtà juru żewġt irġiel. Wieħed minnhom diġà tressaq il-Qorti u l-ieħor kien identifikat bħala l-akkużat li tressaq illum.
L-akkużat qal lill-Qorti li ma għandux impjieg u xi drabi jmur biex jgħin lil ħuh f’xi xogħol li jkollu.
Huwa ammetta l-akkużi anke meta l-Qorti wissietu li jista’ jeħel il-ħabs.
Id-Difiża talbet li jitħejja rapport dwar il-każ u l-akkużat qabel tingħata s-sentenza, bir-raġel jinħeles mill-arrest sakemm tingħata s-sentenza.
Il-Maġistrat spjegat li l-akkużi ma jistgħux jissarfu x’sentenza sospiża anke jekk tista’ timponi probation. Wissiet ukoll lill-akkużat biex jikkopera u li jekk jonqos milli jagħmel dan, se jispiċċa l-ħabs.
Il-Qorti tat struzzjonijiet lil omm l-akkużat, li magħha se jkun qed joqgħod sakemm tingħata s-sentenza, biex tinforma lill-awtoritajiet jekk ir-raġel jonqos mill-kundizzjonijiet li se jkunu imposti fuqu.