Il-Kurja qatt ma kellha suspetti dwar Dun Seguna u saret taf id-dettalji tal-każ mill-midja

Michael Pace Ross jgħid li qatt ma kienu saru xi ilmenti dwar Dun Seguna u qal li jekk qatt kien hemm xi nuqqassijiet fir-rapporti tal-parroċċa żgur li dan ma kinux serji biżżejjed sabiex il-materja tinġieb għall-attenzjoni tiegħu

Michael Pace Ross
Michael Pace Ross

Rappreżentant tal-Kurja qal illi l-Knisja qatt ma kellha suspetti fuq il-kappillan ta Marsaxlokk Fr Luke Seguna, li qed ikun akkużat b'reati finanzjarji. Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta' Malta Michael Pace Ross - li kien l-unika xhud illum quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras - qal illi rapporti pejodiċi lill-Kurja kienu juru li d-dħul u donazzjonijiet tal-parroċċa ta' Marsaxlokk kienu naqsu, imma qal li dan kien qed jiġri kullimkien u mhux f'din il-lokalità biss. Huwa qal li għalhekk ma kien hemm xejn lilhinn mill-ordinarju. 

Huwa qal ukoll li qatt ma kienu saru xi ilmenti dwar Fr Seguna u qal li jekk qatt kien hemm xi nuqqassijiet fir-rapporti tal-parroċċa żgur li dan ma kinux serji biżżejjed sabiex il-materja tinġieb għall-attenzjoni tiegħu. 

Pace Ross kompla jgħid li saret eżaminiazzjoni tar-rapporti tar-rekords, tal-book keeping u rapporti dwar proċeduri finanzjarji u kkonferma li kienu saru xi rikjesti għal ċerti proġetti, "imma fl-ebda ħin ma kien hemm affarijiet lilhinn minn normal."

Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Avukat Stefano Filletti - li qed jidher parte civile għall-Arċidjoċesi  - Pace Ross qal li ma kellux suspetti fuq xi irregolaritajiet li setgħu qed iseħħu fil-parroċċa, aħseb u ara irregolaritajiet kriminali. Huwa kkonferma li l-Kurja qatt ma kienet għamlet rapporti, kemm jekk internament jew inkella lill-awtoritajiet 

Mistoqsi kif il-Kurja allura saret taf dwar l-allegazzjonijiet kontra Fr. Luke Seguna, ix-xhieda qal illi jum qabel ġie akkużat quddiem il-Qorti l-Knisja kienet infurmata ili l-qassis se jkun akkużat b'reati finanzjarji l-għada. Il-Knisja saret taf id-dettalji iżda mill-midja u bdiet investigazzjoni li għadha għaddejja sa issa. 

Il-każ ikompli jinstema' f'Diċembru. 

L-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Andre Zammit u Ramon Bonnett Sladden mexxew il-Prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera. L-avukat Stefano Filletti qed jirrapreżenta lill-Arċidjoċesi. 

More in Qrati u Pulizija