Qtil Munchies: Ħaddiem tas-CCTV jgħid li ċempel lill-akkużat waqt li kien taħt arrest wara li dan ħallielu messaġġ

Tekniku tas-CCTV li kien installat fil-Munchies Bar fil-Qawra kien ċempel lill-akkużat u sid dan il-bar - David Busuttil - meta dan kien arrestat

Il-Munchies Bar, Qawra
Il-Munchies Bar, Qawra

Tekniku tas-CCTV li kien installat fil-Munchies Bar fil-Qawra kien ċempel lill-akkużat u sid dan il-bar - David Busuttil - meta dan kien arrestat. Dan għaliex kien sab messaġġ mingħand Busuttil li ta' sikwit kien ikellmu għall-assistenza. Busuttil qed ikun akkużat bil-qtil ta' raġel ta' 60 sena li waqa' t-taraġ, hekk kif kellu argument mal-akkużat. Huwa qed ikun akkużat ukoll illi kkawża ġrieħi serji fuq il-vittma, li pprova jħassar evidenza u li kiser il-paċi pubblika. Bħalissa Busuttil jinsab fuq bail. 

Fl-aħħar seduta Surġent tal-Pulizija kien spjega kif il-mowbajl ta' Busuttil kien beda jdoqq waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija fl-għassa tal-Qawra u meta ċċekkja min kien qed iċempel sab illi kien dan il-ħaddiem tas-CCTV. Dan kien issejjaħ l-għassa fejn sarulu numru ta' mistoqsijiet. 

Ix-xhud illum qal li ilu fin-negozju tas-CCTV għal aktar minn 10 snin u għaraf lill-akkużat fil-Qorti, filwaqt li spjega illi ħadem miegħu diversi drabi fuq sistemi ta' alarm aktar kmieni din is-sena. Mistoqsi jekk Busuttil għamilx kuntatt miegħu minn Marzu, huwa wieġeb li ma kienx ċert. "Ma nafx, huwa jċempilli biex nitfi l-alarm jew għax ma jkunx jaf kif jixgħelu. L-aħħar li rċevejt kien qal: "La tqum ċempilli." 

"Jiena ċemplitlu xħin qomt. Ħadd ma wieġeb minkejja li l-mowbajl kien mixgħul, imma ħadd ma qabad. Ħames minuti wara irċevejt telefonata mill-Kwartieri tal-Pulizija u qaluli li ċempluli għax jiena ċempilt lil Busuttil u qaluli biex immur id-Depot." 

Huwa kompla jgħid illi kien mistoqsi mill-pulizija, għaliex kien tkellem mal-akkużat u għaliex kien bgħatlu messaġġ. "Rajt il-messaġġ u erġajt ċempilt. Imbagħad ingħatajt struzzjonijiet biex ma nkellmux u ma kellimtux," qal ix-xhud. 

Il-Qorti nnutat kif it-telefonati jidher li saru matul il-lejl. Ix-xhud qal illi ħafna drabi l-alarm kien jixgħel matul il-lejl u Busuttil ma kienx ikun jaf kif se jitfih. 

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru bħala avukati difensuri filwaqt li Abigail Caruana Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxiet il-Prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija