Keith Schembri, Yorgen Fenech u oħrajn b'akkużi relatati mal-impjieg 'fantażma' lil Melvin Theuma

Theuma kien ingħata impjieg mal-Gvern li għalih kien jitħallas, imma qatt ma kien jattendi, madwar ħames xhur qabel l-assassinju ta' Caruana Galizia

L-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri, Yorgen Fenech u tlieta minn nies oħrajn li kienu jaħdmu f'Kastilja jew f'entitajiet tal-Gvern, illum kienu akkużati b'serq u miżapproprijazzjoni b'rabta ma' impjieg mal-Gvern li ingħata lis-sensar fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma. 

Theuma kien ammetta fil-Qorti illi kien hu li lagħab il-parti ta' sensar biex il-ġurnalista tinqatel u dejjem ipponta s-swaba' lejn l-intraprenditur Yorgen Fenech bħala l-persuna li kienet tagħtih l-ordnijiet dwar kif għandu jipproċedi. Theuma kien qal lill-Qorti illi ħames xhur qabel l-assassinju huwa kien ingħata impjieg mal-Gvern minn Keith Schembri li għalih kien jitħallas minkejja li fil-fatt qatt ma mar għax-xogħol. 

Meta beda jinstema' l-każ quddiem il-Maġistrat Monica Vella l-avukati difensuri talbu għal dokumenti partikoari li huma parti mill-inkjesta u talbu li x-xhieda ma tibdiex tinstema' llum hekk kif saħqu li parti minnha tista' ma tkunx aċċettata bħala valida.

Il-każ kien aġġornat għas-7 ta' Ottubru. 

More in Qrati u Pulizija