Ingħata l-ħelsien fuq akkużi ta' abbuż sesswali u issa ammeta li ta fastidju lill-istess mara

L-akkużat ammetta li kien qed jiġri wara l-eks sieħba għaliex kien ħalla arma tan-nar, mhux reġistrata, fir-residenza tagħha 

Raġel ta' 40 sena, li ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament abbuża sesswalment mill-eks sieħba tiegħu, qiegħed jingħata l-kura fl-Isptar Monte Karmeli. Dan wara li ammetta li ta fastidju u li kien qed jiġri wara l-istess mara li allegatament kien abbuża. Ibieraħ, il-vittma ċemplet għall-għajnuna tal-Pulizija hekk kif innotat li l-akkużat kien ilu jsegwi l-movimenti tagħha għal madwar jumejn. Meta mistoqsi mill-pulizija fuq dan, huwa saħaq li r-raġuni kienet li kien ħalla arma tan-nar, mhux reġistrata, fir-residenza tagħha. 

Tajjeb li nfakkru li dan ir-raġel, xufier tat-taxi minn Marsaskala, ingħata l-ħelsien mill-arrest f'Mejju li għadda wara li allegatament kien abbuża sesswalment lill-vittma. 

Intant, illum huwa tressaq il-Qorti fuq akkużi ta' fastidju, li beda' jiġri wara l-eks sieħba, li heddidha, li kkawża biża' lit-tifla tal-vittma li kien se jkun vjolenti lejha, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li kiser l-ordni tal-Qorti li ma jersaqx lejn il-vittma. Ir-raġel ammetta l-ħtija ta' dawn l-akkużi u b' hekk il-prosekuzzjoni talbet li tiġbor id-depożitu ta' €20,000 li kien impost fuq il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, f'Mejju li għadda. Apparti minn hekk il-Qorti, għal darb' oħra ordnat li l-akkużat ma jersaqx lejn il-vittma u bintha u li jkun hemm ordni ta' protezzjoni fuq il-vittmi. 

Minkejja li l-avukat difensur ma talabx li jingħata l-ħelsien mill-arrest huwa talab li l-akkużat jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli minħabba l-problemi psikoloġiċi li kien qed jaffaċċja. Fid-dawl ta' dan il-Qorti laqgħet din it-talba u l-ġimgħa d-dieħla se jerġa' jitressaq il-Qorti. 

More in Qrati u Pulizija