'Qalbi! Ajma Qalbi'... fost l-aħħar kliem tal-vittma Eġizzjan li nqatel b'daqqiet ta' sikkina

Il-vidjow li ttieħed wara li sar id-delitt wassal biex il-Pulizija identifikat u sabet lill-akkużat, bl-arma li ntużat għall-qtil

Ritratt tax-xena tad-delitt.  Kreditu | Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta
Ritratt tax-xena tad-delitt. Kreditu | Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Il-Qorti iddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex tressaq lir-raġel Sudaniż ta' 28 sena bl-akkuża tal-qtil tal-Eġizzjan Adri Mohammed, li nqatel nhar it-Tnejn 25 ta' Lulju, fil-Marsa. 

Dakinhar tad-delitt il-Pulizija rċivew rapport li raġel kien safa vittma ta' daqqiet ta' sikkina u li kien mitluf minn sensiħ, ftit 'il bogħod minn bar fil-Marsa. Il-vittma ittieħed l-Isptar iżda sfortunatament miet kawża tal-feriti li ġarrab. Dan ħareġ illum waqt il-kumpilazzjoni ta' evidenza fil-konfront tal-akkużat Sudaniż. L-Ispettur li xehed f'dan il-każ saħaq li wara li l-vittma ittieħed mill-post, mar fuq ix-xena tar-reat, qrib Triq Diċembru 13 fejn kien ra għadira tad-demm mal-art. 

Dakinhar stess, il-Pulizija bdiet tistaqsi xi mistoqsijiet lil xi persuni li kienu jinsabu fl-akwati u li raw id-delitt isir quddiem għajnejhom kif ukoll li kienu żammew lis-suspettat milli jaħrab. 

Skont dawn il-persuni, skattat ġlieda bejn il-vittma u l-akkużat li wassal biex is-Sudaniż ħareġ sikkina u qatel lill-vittma. Persuna partikolari semgħet lill-vittma jgħajjat, "qalbi, ajma qalbi" filwaqt li persuna oħra li kienet fuq ix-xena qalet li huwa kien fi triqtu biex jixtri xi ħaġa minn ħanut fil-viċinanza meta ra d-delitt. Jgħid li huwa prova jintervjeni iżda ma rnexxilux iwaqqfu. 

Hekk kif seħħ dan id-delitt, vidjow ta' 13-il minuta inxteħet fuq il-midja soċjali li sussegwentament wassal biex jiġi identifikat l-akkużat. L-uffiċjali eventwalment irnexxielhom isibuh u kellu fil-pussess tiegħu sikkina ġo 'pouch' maċ-ċinturin. Din ittieħdet mill-Pulizija għall-ittestjar forensiku. 

Meta mistoqsi jekk is-sikkina intużatx għall-qtil tal-Eġizzjan huwa qal "iva" filwaqt li saħaq li l-vittma ma kienx attakkaħ. 

More in Qrati u Pulizija