Fil-Qorti taċ-Ċittadella ġieli qed tintuża l-kamra tal-avukati minflok awla għax il-Qorti żgħir wisq

Il-Kamra tal-Avukati Għawdex terġa' titlob binja ġdida minflok il-Qorti taċ-Ċittadella għax tinsisti li hi wisq żgħira għan-numru ta' każi li hemm bħalissa

F'diskussjoni mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, il-Kamra tal-Avukati reġgħet talbet għal binja oħra minflok il-Qorti preżenti ġewwa ċ-Ċittadella.

Il-Kamra sostniet li minkejja li saru diversi weghdiet fil-passat, inkluż mill-Gvern preżenti, il-Qorti ta' Għawdex għadu ma sarx ħidma fuqu u kawża ta' dan l-avukati qed jagħmlu użu mill-kamra tal-avukati ġol-istess binja u jużawha bħala awla. Dan għax il-binja preżenti hija wisq żgħira għall-każijiet kollha li hemm bżonn jinstemgħu f'Għawdex. 

Qalet ukoll li apparti minn hekk, il-pubbliku b’aċċessibilità limitata qed isibha diffiċli juża s-servizzi fil-binja tal-Qorti minħabba n-nuqqas ta' lifts. Din, għall-Kamra tal-Avukati, tkompli ssaħħaħ it-talba tagħhom biex kemm jista’ jkun malajr tiġi identifikata binja oħra li tkun tista’ tiġi użata bħala l-Qorti ta’ Ghawdex, u li sadanittant jiġu attwati miżuri biex il-Qorti tkun aktar aċċessibli.

Il-Kamra tal-Avukati Ghawdex iddiskutiet ukoll numru ta' sfidi oħra li l-avukati f'Għawdex qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Mill-akkumulazzjoni ta' taxxi mhux maħduma għal dewmien fis-sistema tan-notifiki, l-avukati semmew numru ta' sfidi li qegħdin itellfuhom milli jagħmlu xogħlhom b'mod aktar faċli u effiċjenti.

Min-naħa tiegħu, skont l-istqarrija tal-Kamra, il-Ministru għall-Ġustizzja fehem l-isfidi tal-avukati u wiegħed li ser jindirizza dawn in-nuqqasijiet fl-iqsar żmien possibbli. Spjega li fost il-miżuri li se jibdew fi żmien li ġej, se ssir organizzazzjoni tal-immaniġġjar tal-Qorti filwaqt li se tiġi ndirizzata l-problema ta' riżorsi umani billi jiġu impjegati aktar ħaddiema.

Attard spjega wkoll li se jkun hemm xi tibdil fis-sistema ta’ kif isiru n-notifiki, u li għalissa se jkompli jintbgħat marixxal mill-Qorti ta’ Malta fil-każ ta’ bżonn. Dan filwaqt li ssuġerixxa li t-taxxi li akkumulaw jiġu maħduma minn uffiċjal li jaħdem it-taxxi fil-Qorti ta’ Malta.

B'risposta għal dan, il-Kamra tal-Avukati Ghawdex qalet li tilqa’ l-impenn li qed iwiegħed il-Ministru u tittama li r-riformi diskussa jsiru realta’ mill-aktar fis possibli.

More in Qrati u Pulizija