Il-Qorti tal-Appell tikkonferma: Għomor ħabs u ħames perjodi ta' iżolament kull sena għall-qattiel ta' Margaret Mifsud

Hija kienet instabet mejta fil-karozza tagħha f'Baħar iċ-Ċagħaq fil-lejl bejn it-18 u 19 ta' April lura fl-2012 wara ikla li kellha ma' sħaba tax-xogħol fix-Xemxija

Il-Qorti Kriminali ċaħdet żewġ appelli mressqa minn Nizar el Gadi li kien ikkundannat għal għomru ħabs fl-2015, wara li nstab ħati bil-qtil ta' eks martu, l-avukat Margaret Mifsud.

Hija kienet instabet mejta fil-karozza tagħha f'Baħar iċ-Ċagħaq fil-lejl bejn it-18 u 19 ta' April lura fl-2012 wara ikla li kellha ma' sħaba tax-xogħol fix-Xemxija.

Esperti forensiċi li xehdu waqt il-ġuri qalu li l-vittma kien instab li mietet b’asfissija trawmatika kkaġunata minn el Gadi li poġġa bilqiegħda fuq sidirha. Mifsud kienet irrapportat lil żewġha lill-pulizija talli pprova jifgaha żmien qabel il-qtil. 

Ir-raġel ta' ċittadinanza Libjana kien ingħata sentenza ta' għomor il-ħabs b'ħames perjodi ta' 10 t'ijiem iżolament kull sena għall-qtil. Ingħata wkoll multa ta’ €5000 u 3 xhur żejda mas-sentenza ta’ El Gadi fid-dawl ta’ ġesti ta’ theddid li għamel lejn l-ispettur tal-pulizija tal-prosekuzzjoni u l-familja tal-vittmi, malli rċieva s-sentenza tiegħu. 

Is-Supretendent Keith Arnaud, li dak iż-żmien kien spettur, kien xehed kif wara li ngħatat is-sentenza ta’ għomru ħabs, omm il-vittma staqsiet jekk l-akkużat, "kienx kuntent, issa’ li kien se jibqa’ Malta.” Bi tweġiba għall-kumment ta’ Mifsud, il-Libjan kien għamel ġest bħallikieku kien qed jispara lill-familja, qabel idur lejn l-Ispettur Arnaud u ġibed il-kbir minn fuq għonqu, u qallu “int jmiss”.

F’deċiżjonijiet separati li ngħataw aktar kmieni llum, il-Qorti tal-Appell Kriminali, ċaħad iż-żewġ appelli ta’ el Gadi, u ddeċieda li l-kunsiderazzjonijiet dwar is-sejba ta’ ħtija tiegħu u l-piena inflitta kienu fil-parametri tal-liġi u kkonfermaw sentenzi tar-raġel.

More in Qrati u Pulizija