Ġabret €470,000 għat-taparsi għal kura tal-kanċer... u nefqithom kollha l-każinò

Mara ta' 60 sena - meqjusa frodista professjonali - tinstab ħatja ta' frodi, miżapproprijazzjoni u ħasil tal-flus

Mara ta' 60 sena minn Ħaż Żabbar ingħatat sentenza ta' erba' snin priġunerija u kienet immultata €70,000 wara illi nstabet ħatja li ffrodat tliet vittmi għat-total ta' €470,000 billi stqarret b'mod falz illi kellha bżonn il-flus għat-trattament tal-kanċer, biex minflok użat l-istess flus biex tiffinanzja l-vizzju tagħha tal-logħob tal-azzard. 

L-akkużata, li hija Maltija u hija deskritta bħala frodista professjonali tressqet il-Qorti f'Novembru li għadda, bil-Qorti tisma' kif kienet ivvintat skema li permezz tagħha kienet tgħix fuq il-benefiċċji. Hija kienet titlob għad-donazzjonijiet u ġġiegħel lin-nies jemmnu li għandha bżonn il-flus għat-trattament tal-kanċer, għaliha jew għal binha li kienet tgħid illi huwa marid. Iżda mbagħad kienet tonfoq kollox fil-każinò. 

Hija ma ammettietx il-ħtija tal-akkużi kontriha: Frodi, miżapproprijazzjoni u ħasil tal-flus. 

Hekk kif il-każ beda jinstema' l-Avukat Ġenerali u d-Difiża waslu għal qbil ta' patteġġjament li permezz tiegħu l-mara tħallas multa u teħel erba' snin priġunerija. 

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-assi kollha tal-akkużata li jmorru għand il-Gvern u talbitha tħallass is-somma ta' €2,219. 

More in Qrati u Pulizija