'Għadni wettaqt biss 33% tal-pjan li tani biex inwettaq ix-xitan... kien hu li qalli biex nistupraha'

Ikompli l-każ ta' Abner Aquilina li jinsab akkużat illi stupra u qatel liż-żagħżugħa Paulina Dembska...

Dalgħodu qed tkompli il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ kontra Abner Aquilina, li jinsab akkużat bil-qtil ta' Paulina Dembska. Huwa jinsab akkużat ukoll illi stupra lill-vittma waqt dan l-attakk brutali li seħħ fl-ewwel għodwa tal-ewwel jum tas-sena f'Tas Sliema. 

Fl-aħħar seduta il-Qorti semgħet lil tim ta' psikjatri appuntati minnha li qalu illi Aquilina ma kienx fi stat li jixhed u kien instab li qiegħed fi stat psikotiku meta qatel lit-tfajla ta' 29 sena. 

Aquilina ma setax ikun preżenti illum hekk kif jinsab f'Monte Carmeli - f'ward għalih waħdu - bil-Maġistrat tordna lil Dr Hector Cutajar, il-psikjatra li bagħat l-email lill-Prosekuzzjoni dwar il-kundizzjoni ta' Aquilina, biex jiddikjara li l-akkużat ma kienx f'qagħda li jattendi għas-seduta. 

Stefano Filletti, li qed jidher għall-familja Dembska, argumenta li l-emails tal-psikjatra jaf ikunu rilevanti għall-każ u għandhom jiżdiedu fil-fajl mediku. Il-Maġistrat kompliet tgħid li mhix sorpriża li Aquilina ma attendiex għas-seduta għalkemm qalet ukoll li tistenna li darba oħra tkun notifikata. Indikat illi mhux aċċettabbli li sempliċiment tinbagħat email. 

Intant meta beda jixhed l-Ispettur Wayne Camilleri qal illi meta l-pulizija kellmu lil Aquilina permezz ta' kamera mwaħħla magħhom huwa qal li din kienet xi ħaġa ta' darba, għalkemm kompla jgħid ukoll li huwa wettaq biss 33% mill-pjan tiegħu. Mistoqsi x'inhu l-pjan tiegħu, Aquilina kien qal lill-Pulizija illi x-xitan kien tah pjan li kellu jwettaq, u f'punt minnhom saħansitra qal illi kien ix-xitan stess li ordnalu jistupraha. Aquilina kien iddeskriva lill-vittma u qal li kienet qisha Maltija u li stupraha għax irreżistietu. Camilleri qal illi l-pulizija staqsewh kif qatilha bir-risposta tkun sinjali ta' daqqiet ta' ponn u daqqiet ta' sieq. 

Filwaqt li kien id-depot Aquilina qal li għamel xi ħaġa "ħażina ħafna" u qal ukoll li hu kien sofra ħafna u li ħajtu qisha dik tal-kriminal ikkaraterizzat fil-film thriller psikoloġiku Clockwork Orange, film li diġà ssemma fil-proċeduri kontra Aquilina. 

F'punt minnhom f'xhieda pjuttost telegrafika l-Ispettur qal illi l-akkużat kien indika lix-xitan bħala dak li ordnalu "jitfa' l-isperma tiegħu fil-vittma" xi ħaġa li qal li hu ma għamilx u li allura kkunsidra bħala sfida dirett. 

Filletti staqsa jekk Aquilina ħassx xi forma ta' rimors, b'Aquilina jgħid illi dan huwa l-każ u li l-akkużat għamiulha ċara diversi drabi illi hu kien jaf id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin għalkemm ma qalx kien iddispjaċut jew le għal dak li għamel. Fil-fatt jirriżulta li l-akkużat daħal fil-Knisja tal-Balluta waqt li kienet għaddejja l-quddiesa u kien tela' ħdejn il-qassis u qallu illi hu mhux miġnun u talbu jgħinu biex jingħata maħfra presidenzjali. 

More in Qrati u Pulizija