Il-priġunieri se jkunu jistgħu jiltaqgħu ma' uliedhom f’kamra apposta ’l bogħod minn Kordin

Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif ħabsijiet oħra madwar l-Ewropa għażlu li tkun parti mill-istess faċilità, iżda hawnhekk għażilna li jkun post lil hinn mill-faċilità.

Fi żmien ftit ġimgħat oħra, se jibda jkun possibbli li priġunieri li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikunu jistgħu jibdew jiltaqgħu u jqattgħu ftit ħin ma’ uliedhom f’binja apposta fil-Marsa, ’il bogħod mill-ħitan tal-istess faċilità taħt il-ħarsien ta’ professjonisti soċjali. Din il-binja hija waħda adattata biex tilqa’ tfal f’ambjent ferm aktar rilassat iżda fejn  xorta waħda se jkun assigurat l-aqwa u l-ogħla livell ta’ sigurtà. Din l-inizjattiva hija possibbli grazzi għall-ħidma mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl.

F’sessjoni ta’ informazzjoni mal-mezzi tax-xandir, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri stqarr kif għal ħafna snin kien kien hemm l-idea li jkun hemm post aħjar fejn il-ġenituri li qed jiskontaw sentenza jiltaqgħu mat-tfal tagħhom għaliex wieħed jifhem li l-esperjenza ta’ ħabs mhux il-post ideali għat-tfal. “Nifhmu li ħafna drabi jkun xokk għat-tfal li jaraw lil xi ħadd mill-ġenituri tagħhom fil-ħabs u huwa għalhekk qed nimplimentaw din l-idea flimkien mal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl”, saħaq il-Ministru. Il-Ministru Camilleri spjega kif ħabsijiet oħra madwar l-Ewropa għażlu li tkun parti mill-istess faċilità, iżda hawnhekk għażilna li jkun post lil hinn mill-faċilità.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl George Busuttil qal li wara l-esperjenza ta’ proġett ieħor li għaddej, dak tal-Locked Out, li huwa proċess ta’ terapija u għajnuna lill-qraba u tfal ta’ priġunieri, il-fondazzjoni riedet tagħmel il-pass li jmiss. “Se nkunu qed nużaw ftit logħob, ambjent iktar kwiet u aktar ta’ dar, biex permezz ta’ interazzjoni diretta u attenzjoni minn professjonisti li se jkunu hawn waqt is-sessjonijiet, se naraw li jsiru laqgħat tajbin bejn it-tfal u l-ġenituri,” spjega Busuttil. Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni sostna li permezz ta’ dan il-proġett se naraw li t-tfal iżommu kuntatt dirett u adegwat mal-ġenituri u bl-istess mod anke l-ġenituri jżommu kuntatt tajjeb mat-tfal. Dan se jwassal sabiex meta tasal dik il-ġurnata li ż-żewġ partijiet jingħaqdu flimkien fil-ħajja ta’ kuljum ikun hemm diġà ħidma fuq ir-relazzjoni tagħhom. 

F’intervent ukoll waqt l-istess attività, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Robert Brincau sostna li l-Aġenzija qed turi tabilħaqq kemm temmen fi proċess tajjeb ta’ rijabilitazzjoni. Huwa spjega kif l-għan ewlieni huwa li fi ftit ġimgħat oħra jibdew l-ewwel viżti wara li jkun tlesta x-xogħol kollu li fadal mil-lat ta’ sigurtà u sorveljanza. “Se naraw li nibdew bi ftit priġuniera, li sintendi jkunu eleġġibli, wara li jsir l-assesjar neċessarju b’mod intern u b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl u l-professjonisti”, qal Robert Brincau filwaqt li spjega kif ser tiżdied aktar is-sorveljanza fil-Faċilità biex jitnaqqsu l-abbużi filwaqt li qabel kull sessjoni se jiġi assigurat li jsir l-iċċekjar u l-verifika kollu meħtieġ mhux biss fil-binja iżda anke fil-madwar.

“Irridu naraw li l-investiment li qed inwettqu fir-rijabilitazzjoni jħalli verament ir-riżultat mixtieq hekk kif kull deċiżjoni li qed nieħdu hija katina waħda tmiss mal-oħra”, temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Preżenti għal din is-sessjoni ta’ informazzjoni mal-mezzi tax-xandir kien hemm preżenti wkoll is-Sindku tal-Marsa, is-Sur Josef Azzopardi

More in Qrati u Pulizija