Traċċi tad-demm ta' Mario Farrugia nstabu mal-ħajt tal-kamra tas-sodda tal-akkużat

Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Eliot Paul Busuttil kkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia li l-ġisem tiegħu kien instab f'bagoll ta' karozza

Investigaturi sabu traċċi tad-demm tal-vittma Mario Farrugia fuq il-ħajt tal-kamra tas-sodda ta’ Eliot Paul Busuttil.

Dan ħareġ illum waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Busuttil li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia li l-ġisem tiegħu kien instab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni, f'bagoll tal-karozza f’Ħal Qormi. 

Awtopsja li kienet saret fuq il-katavru sabet li l-vittma sofra xejn inqas minn 45 daqqa ta’ sikkina f’sidru.

L-Ispettur Wayne Camilleri spjega li kollox jindika li l-vittma kien diġà fil-bagoll tal-karozza meta ngħata d-daqqiet ta’ sikkina.

Skont filmati tas-CCTV, il-karozza li fiha kien instab il-ġisem ta’ Farrugia kienet ipparkjata fil-Wied ta’ Ħal Qormi fis-6 ta’ Marzu fis-6am. Raġel deher ħiereġ mill-karozza, liebes il-maskra tal-Covid-19 u liebes l-iswed. Huwa jidher ukoll jimsaħ idu f’xugaman blu.

L-Ispettur spjega li bdiet tissuspetta f’Eliot Paul Busuttil malli rat dan il-filmat u bdiet tinvestiga r-rabtiet li seta’ jkun hemm mal-vittma.

Skont id-data tal-lokalizzazzjoni meħuda mill-mowbajls tal-akkużat u anke l-vittma, fit-28 ta’ Marzu jirriżulta li kienu fl-istess post sakemm dak tal-vittma ntefa.

Ġurnata qabel, Farrugia ħalla Pembroke lejn l-Imsida. Kemm il-mowbajl ta’ Busuttil u anke dak ta’ Farrugia jidhru li kienu fl-istess postijiet.

Il-Prosekuzzjoni qalet li Busuttil deher anzjuż ħafna waqt l-arrest tiegħu u immedjatament qal lill-uffiċjali li arrestawh li ried iċempel lill-Avukat tiegħu u anke talab biex jgħidulu l-evidenza li wasslet għall-arrest tiegħu.

Spjegat kif il-Pulizija kellha tidħol bil-forza fir-residenza anke jekk kien hemm il-ġenituri tiegħu.

“Is-suspett kien anzjuż u beda jpejjep ħafna waqt it-tfittxija imma kkopera mal-Pulizija. Il-ġenituri tiegħu ma bdewx jikkoperaw għall-ewwel,” kompla jisħaq l-Ispettur.

Kien hawn li l-investigaturi nnutaw traċċi tad-demm mal-ħajt tal-kamra tas-sodda tal-akkużat. 

“Ittieħdu kampjuni għall-analiżi tad-DNA u aktar tard kien ċar li d-demm huwa tal-vittma,” kompla l-Ispettur.

Qal li meta kienu qed jieħdu l-kampjuni, omm l-akkużat, repetutament, bdiet tistaqsihom għaliex kienu “ffissaw” fuq il-ħajt u qaltilhom ukoll li kienet għadha kemm ħaslitu bil-bleach.

Il-Pulizija interrogat ukoll diversi persuni viċin il-vittma, fosthom qraba u anke l-ġar li rrapportah nieqes. 

Jidher li l-vittma kien jgħix waħdu u ma kellux ħbieb u lanqas ħadd ma kien iżuru d-dar. Qatt ma żżewweġ u ma kellux tfal. Irriżulta li kienet bniedem ddiffiċli ħafna biex tkellmu u anke riservat immens. 

L-Ispettur qal ukoll li l-vittma kien stqarr ma’ ħuh li minn meta kien beda jaħdem bit-taxis, kellu problema. Qallu li żewġt irġiel, li ddeskrivihom bħala "junkies" kienu jqabbduh isuqhom u ma kinux iħallsu kolox.

Xehed ukoll kif skont il-ġarr, madwar 30 sena ilu, il-vittma kien qala’ xebgħa minn xufier tat-taxis u baqa’ qatt ma rkupra psikoloġikament. Qal li l-vittma kien ingħalaq fih innifsu u li kien qed jieħu wkoll xi mediċina.

“Mario kien persuna li jibża’ jgħid ‘le,’”, kompla l-Ispettur.

Fi tmiem is-seduta, il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex Busuttil jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. 

Il-każ se jkompli f’Ġunju.

More in Qrati u Pulizija