Dalgħodu għall-ħabta tal-għaxra, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn assistenza f'sit ta' kostruzzjoni fi Triq il-Pelligrinaġġ, Bormla. Minn stħarriġ preliminari rriżulta li ħaddiem ta' 34 sena minn San Pawl il-Baħar weġġa' wara li waqa' għoli ta' madwar sular waqt li kien qed jagħmel xi xogħol.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jassistu lir-raġel li ttieħed permezz ta' ambulanza l-Isptar Mater Dei. Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.