Jhedded li jispara u joqtol tlett itfal waqt argument ma' martu li kien għadu kemm keċċa mid-dar

It-tfal għandhom bejn 10 u ħmistax-il sena u se jkunu qed jixhdu fil-proċeduri kontra r-raġel li qed jirċievi wkoll kura psikjatrika

Raġel mill-Għargħur tressaq il-Qorti akkużat li hedded lill-eks mara tiegħu li kien se jispara fuq tlett itfal, inkluż bintu li għad għandha biss għaxar snin. Jidher li r-raġel hedded lil martu waqt argument bejniethom li seħħ ilbieraħ.

Ir-raġel li għandu 37 sena tressaq il-Qorti dalgħodu akkużat li żamm lil bintu ta’ għaxar snin u anke tfajla ta’ 15-il sena li jiffosterja u l-ħabiba tagħha kontra r-rieda tagħhom.

Huwa kien akkużat ukoll li weġġa’ ħafif lit-tfajla ta’ 15-il sena, li attakka lill-mara tiegħu u li kien qed iġorr fuqu arma tan-nar kontra l-liċenzja li huwa għandu. Dan fost akkużi oħra. 

Jidher li l-koppja jinsabu waqt proċeduri ta’ separazzjoni. Ir-raġel kien għadu kemm tefa’ lil martu barra mid-dar u aktar tard ċemplilha biex tmur lura iżda hi ma riditx.

Kien hawn li r-raġel hedded lil martu li kien lest jispara u joqtol lit-tfal.

L-Ispettur li ressaq lir-raġel qal li meta waslu l-Pulizija, wara r-rapport li rċevew, it-tfal irnexxielhom jaħarbu mid-dar u seta’ jinnota kif ħadu r-ruħ. 

Minħabba n-natura tal-każ u anke għax it-tfal għadhom se jixhdu, il-Qorti ma tatx il-ħelsien mill-arrest lill-akkuża. 

Intant, il-Qorti ġiet infurmata mid-Difiża li r-raġel qed jirċievi kura psikjatrika u għalhekk il-Maġistrat ordnat li r-raġel jingħata b’mod immedjat il-kura kollha li għandu bżonn.

More in Qrati u Pulizija