Raġel jinħeles mill-akkużi 12-il sena wara li tressaq il-Qorti għax ma kienx hemm evidenza kontrih

Kulma kien hemm kontra r-raġel kienet dikjrazzjoni li hu għamel waqt l-interrogazzjoni iżda l-Qorti ma setatx taċċettaha bħala evidenza għax meta tkellem mal-Pulizija ma kienx hemm preżenti avukat

Raġel minn Ħ’Attard inħeles mill-akkużi ta’ tkabbir u l-pussess tal-kannabis tnax-il sena wara li tressaq l-ewwel darba l-Qorti għax ma kienx hemm biżżejjed evidenza ħlief dikjarazzjoni li hu għamel mal-Pulizija u li l-Qorti ddikjarat li ma tistax tintuża kontrih.

Ir-raġel tressaq il-Qorti f’Ġunju 2010, flimkien ma’ raġel ieħor akkużat li kien qed ikabbar il-kannabis u anke b’pussess illegali ta’ droga.

Id-droga kienet instabet fi grocer fil-Ħamrun, liema ħanut għandu rabta mal-istess raġel u l-akkużat l-ieħor.

Madanakollu, ma kienet instabet l-ebda evidenza kontra dan ir-raġel, lanqas marki tas-swaba fl-istss ħanut. Kienet saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu u lanqas ma kien instab xejn.

Fis-sentenza mogħtija llum, il-Maġistrat Natasha Galea osservat kif ma kienx hemm biżżejjed evidenza kontra r-raġel ħlief dikjarazzjoni li hu kien għamel waqt l-interrogazzjoni.

Fil-fatt jidher li r-raġel kien għamel dikjarazzjoni waqt l-interrogazzjoni u li permezz tagħha kien inkrimina lilu nnifsu. Madanakollu l-Qorti ma setatx taċċetta din bħala evidenza, hekk kif waqt l-interrogazzjoni, l-istess raġel ma kienx akkumpanjat minn Avukat.

Għalhekk, ir-raġel inħeles mill-akkużi kollha kontrih. 

More in Qrati u Pulizija