L-Avukat tal-Istat jisħaq illi 1,500 gamiema li jistgħu jinqabdu f'Malta huma inqas minn 1% tal-popolazzjoni

L-avukati ta' Birdlife isostnu li l-kwistjoni għandha tmur quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li mbagħad tagħti direzzjoni hi

Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat qalu lill-Qorti dalgħodu illi 1,500 gamiema li jistgħu jaqbdu l-kaċċaturi Maltin, jekk jitħalla jinfetaħ l-istaġun jirrappreżentaw "inqas minn 1% tal-popolazzjoni globali tal-ispeċi" u allura sostna li dan ma joħloq ebda forma ta' problema. L-Avukat tal-Istat sejjaħ r-referenza tal-aħħar minuta ta' Birdlife għall-Qorti Ewropea bħala mod kif jiġi salvat, dak li ma jistax ikun salvat.

Birdlife fetħet mandat biex il-kaċċa fuq il-gamiem din ir-Rebbiegħa ma titħalliex issir, wara illi l-Gvern kien ħabbar li se jwaqqaf il-moratorju fuq il-kaċċa fuq din l-ispeċi. 

Il-Maġistrat Audrey Demicoli semgħet is-sottomissjonijiet illum u bdiet billi ma aċċettatx applikazzjoni tal-FKNK sabiex tkun parti mill-każ. 

Ilbieraħ filgħaxija Birdlife Malta għamlet sejħa urġenti sabiex il-Qorti tagħmel referenzi preliminari għall-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tistaqsi għall-gwida dwar il-kwistjoni tal-kaċċa. Ġeneralment proċeduri simili f'Malta jkunu sospiżi sakemm il-Qorti Ewropea tieħu d-deċiżjoni. 

L-avukat Mark Soler li flimkien ma' Claire Bonello qed jidhru għall-Birdlife qalu illi l-Qorti Ewropea tkun trid tieħu deċiżjoni fi żmien 30 jum, li xorta iżda tfisser illi l-istaġun ma jkunx jista' jinfetaħ. 

Is-sottomissjonijiet tal-lum fil-fatt saru wara li l-Gvern talab li jinstemgħu b'urġenza u mhux nhar it-Tlieta kif kienet oriġinarjament iddeċidiet il-Qorti li allura kien ifisser illi l-istaġun ma jkunx jista' jinfetaħ il-Ħadd - hekk kif kien ħabbar il-Gvern. 

"Jekk il-mandat huwa miċħud illum, meta nerġgħu niftħu l-każ fuq il-merti tiegħu, is-sitwazzjoni tkun mitlufa diġà," qalu l-avukati ta' Birdlife filwaqt li sostnew illi jekk il-Qorti tiddikjara li l-Avviż Legali huwa kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Ewropea, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ewropea mbagħad issir irrelevanti. 

L-Avukat Anthony Borg, mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, qal illi dan mhux possibbli u fakkar li hawnhekk qed nitkellmu dwar każ fejn xejn ma kien ippruvat. "Ma hemm ebda proċeduri kontra Malta dwar id-Direttiva tal-Għasafar," qal filwaqt li akkuża lil Birdlife illi għamlet dan il-mandat u qed jagħmlu r-referenza għall-Qorti Ewropea sabiex "issir pressjoni fuq il-Qorti biex b'hekk tagħti dritt li ma hemmx speċifikat. Huma membri tal-ORNIS, kienu jafu mis-16 ta' Marzu illi l-istaġun se jiftaħ." 

L-avukat ta' Birdlife qal illi r-rikjesta ma kinitx tikkonċerna dritt, imma obbligazzjoni mill-Istat. Fakkar li kien hemm diversi rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Orns li fil-fatt ma ntlaqgħux. 

L-Avukat tal-Istat reġa' sostna illi kien hemm modi differenti li kienu wżati fil-Liġi li permezz tagħhom tiġi attakkata l-interpretazzjoni tal-Liġi Maltija. "Jinsew li din deroga. Il-Qorti għadha lanqas biss semgħet xhieda u diġà qed jgħidu li prima facie hemm ksur tal-Liġi tal-UE."

Soler qal illi huma xjentisti internazzjonali li qed jgħidu illi l-gamiema hija speċi vulnerabbli u fakkar li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kienet qalet illi meta l-popolazzjoni ta' speċi tkun sodisfaċenti id-deroga ma tapplikax.

L-avukat Charlene Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat qalet illi mandat jirrikjedi dritt li għandu jkun protett u l-prevenzjoni ta' ħsara irreparabbli. Ma jistax jintuża f'każi ta' obbligazzjoni biex xi ħaġa ma ssirx. "Għandna liġi li diġà qed titħaddem  u allura l-azzjoni messha ilha li saret. Qed jipprovaw jimmiżgwidaw lill-Qorti għax il-kaċċaturi jistgħu biss jisparaw fuq l-ispeċi li jgħaddu minn fuqhom. U l-listi relevanti juru 11-il pajjiż illi fihom jistgħu jiġu kkaċċjati inqas minn 1% tal-popolazzjoni. Hija ċara li l-1,500 gamiema li jistgħu jiġu kkaċċjati f'Malta mhumiex problema," qalet Muscat. 

Mark Soler iżda sostna li d-Direttiva tal-Għasafar timponi projbizzjoni u obbligazzjoni biex il-gamiem ma jinqatlux. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet il-Qorti qalet illi se tkun qed tagħti deċiżjoni iktar tard. 

More in Qrati u Pulizija