Il-qorti semgħet kif Mangion daħal fil-forn fi Triq San Tumas liebes hoodie iswed, maskra u ingwanti, u kien qed iġorr borża roża tax-xiri u pistola li dehret vera. Huwa ppersegwita ż-żewġ impjegati, jitlobhom il-flus bit-Taljan “Dammi tutto!” (“Agħtini kollox”).
Lill-pulizija qal li tkellem bit-Taljan “għax hekk ħarġitli dak il-ħin” u biex ma jiġix identifikat. Iżda hekk kif il-pjan falla u waħda min-nisa ħarbet lejn wara tal-ħanut, Mangion ħarab ukoll, din id-darba jidgħi bil-Malti.
Is-serqa falluta, li damet inqas minn kwarta, ħalliet lil Rita Schembri, impjegata, f'xokk emozzjonali. Filmati tas-CCTV u evidenza miġbura mid-dar ta’ Mangion – fosthom il-borża roża, l-ingwanti u pistola falza – rabtuh direttament mal-reat.
Mangion, li ammetta li ilu snin jissielet mad-droga u kien f’diffikultà finanzjarja, qal li kellu f’moħħu jibgħat flus lil martu fil-Marokk. Sostna li l-arma kienet pistola tal-logħob “li dehret biss vera”.
Fil-qorti qal li kien ixxukkjat bil-kuxjenza tiegħu u ma setax ikompli. “Ħassejt ħniena għaliha,” qal fix-xhieda tiegħu. “Mhux għax bżajt, imma għax il-kuxjenza ma ħallietnix inkompli. Kont abbużajt mid-droga għal jumejn, lanqas moħħi ma kien tajjeb.”
Meta l-każiera tefgħetlu lura l-basket flok tat-lu l-flus, Mangion qal li f’daqqa waħda induna x’kien qed jagħmel. Wara mar iż-Żabbar u qatta’ nofs siegħa bil-karozza tiegħu, imħawwad u jiddispra.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabitu ħati ta’ attentat ta’ serqa aggravata, li kkaġuna ġrieħi ħfief u pussess ta’ arma falza. Ġie kkundannat għal 20 xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin, tqiegħed taħt superviżjoni ta’ tliet snin u ġie ordnat iħallas €1,000 kumpens lil Schembri.
Il-qorti aċċettat l-argument tad-difiża li Mangion kien waqaf mill-għażla tiegħu stess, mingħajr pressjoni minn barra. L-akkużi ta’ arrest illegali tneħħew, peress li ma kien hemm l-ebda prova li l-impjegati nżammu kontra r-rieda tagħhom.