Miċħuda mill-ġdid it-talba ta' Yorgen Fenech biex jinħeles mill-arrest

L-Imħallef Edwina Grima saħqet li ma kien hemm l-ebda bidla fiċ-ċirkostanzi li waslu biex il-Qorti tieħu deċiżjoni simili fi Frar li għadda

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest li għamel Yorgen Fenech, l-imprenditur akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Edwina Grima saħqet li ma kien hemm l-ebda bidla fiċ-ċirkostanzi li waslu biex il-Qorti tieħu deċiżjoni simili fi Frar li għadda.

Fakkret li dwar dan il-każ, ġew akkużati diversi persuni oħra u li l-inkjesta pubblika għadha għaddejja. Innutat li Fenech stess, fetaħ diversi proċeduri oħra li fihom qed jitlob li aktar evidenza tkun sottomessa fil-każ tiegħu. 

Għalhekk, saħqet l-Imħallef, il-possibbilità li Fenech jaħrab jew ikella jipprova jxekkel il-ġustizzja għadha qawwija. Irreferiet għal persuni viċin l-akkużat li għadhom qed ikunu investigati mill-Pulizija.

Filwaqt li saħqet li huwa minnu li persuna tibqa’ meqjusa innoċenti sakemm tinstab ħatja, insistiet li d-deċiżjoni tagħha hija bbażata fuq l-interess tas-soċjetà inġenerali. Għalhekk, fi kliemha, Fenech ma jistax jingħata l-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.

More in Qrati u Pulizija