Akkużat li weġġa’ lil missieru u hedded ħames qraba tal-familja quddiem tifel ta' seba' snin

L-avukat difensur qal li mhux se jkun qed jitlob il-libertà proviżorja, iżda talab lill-Qorti biex tirrakkomanda li l-akkużat jinżamm l-Isptar Monte Karmeli

Mill-arkivji
Mill-arkivji

Raġel minn Ħal Għaxaq inżamm arrestat fuq akkużi relatati ma’ ġlieda bejnu u diversi membri tal-familja, li rriżultat f’missieru jsofri ġrieħi ħfief.

Ir-raġel ta' 53 sena tressaq quddiem il-Qorti kmieni dalgħodu. Il-Qorti semgħet li fis-16 ta’ Jannar, il-pulizija kienet irċeviet rapporti mingħand ħames membri tal-familja tal-akkużat, fosthom missieru, ħuh u ibnu dwar argument li eskala. Missier l-akkużat kien weġġa’ ħafif fil-ġlieda li kienet seħħet fil-preżenza tan-neputi ta’ 7 snin. "Il-qraba l-oħra kienu mhedda," qalet l-ispettur.

Wara li dalgħodu nqraw l-akkużi lill-akkużat fil-Qorti, il-Maġistrat spjegatlu d-drittijiet tiegħu u staqset x’se jkun qed jitlob. L-allegat wieġeb "mhux ħati."

L-avukat difensur qal li f’dan l-istadju mhux se jkun qed jitlob il-libertà proviżorja, iżda talab lill-Qorti biex tirrakkomanda li l-akkużat jinżamm fis-sezzjoni forensika tal-Isptar Monte Karmeli. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba, li sussegwentement il-Qorti laqgħet. Il-maġistrat, irrimarkat li setgħet biss tirrakkomanda u ma tordnax lid-direttur tas-CCF jikkonforma ma' dan.

More in Qrati u Pulizija