L-eks kantant Tristan B mixli b’frodi u ħasil ta’ flus

Emanuel Balzan, magħruf bħala Tristan B allegatament kien jiffalsifika l-firem ta’ kantanti magħrufa biex iserraħ ras il-vittmi li l-flus li kien jitlobhom kienu għal għan leġittimu

Emanuel Balzan, ta’ 49 sena, huwa akkużat li wara li ħareġ mill-ħabs sitt snin ilu reġa’ daħal fi skemi ta’ frodi
Emanuel Balzan, ta’ 49 sena, huwa akkużat li wara li ħareġ mill-ħabs sitt snin ilu reġa’ daħal fi skemi ta’ frodi

L-eks kantant Emanuel Balzan, magħruf bħala Tristan B, reġa’ tressaq il-Qorti l-Ħamis, mixli b’ħasil ta’ flus, frodi, misapproprjazzjoni u falsifikazzjoni b’rabta ma’ somma ta’ madwar €912,000.

Balzan, ta’ 49 sena, huwa akkużat li wara li ħareġ mill-ħabs sitt snin ilu reġa’ daħal fi skemi ta’ frodi, allegatament billi uża dokumenti ffalsifikati biex jikkonvinċi tmien persuni u kumpaniji jagħtuh il-flus.

Balzan wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Meta mistoqsi hux ħati inizjalment qal li ried jammetti l-akkużi u jibda jiskonta s-sentenza.

Flus għal djun li ma kinux jeżistu

L-Ispettur Ritienne Gauci qalet li l-investigazzjoni bdiet wara li persuna rrapportat li kienet tat flus lil Balzan biex allegatament jgħinu jħallas xi kontijiet pendenti tat-taxxa.

Madankollu, l-investigazzjonijiet tal-pulizija wrew li Balzan ma kellu l-ebda kontijiet tat-taxxa mill-2021 ’il quddiem.

L-investigazzjoni eventwalment wasslet biex jiġu identifikati tmien persuni u kumpaniji li allegatament kienu għaddewlu xi flus.

F’każ minnhom, kumpanija allegatament tat €50,000 biex tisponsorja kunċert li qatt ma sar.

Uża l-esperjenza tiegħu fl-avvenimenti

Il-Qorti semgħet ukoll li Balzan kien involut fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti mal-halfway house Mid-Dlam għad-Dawl waqt li kien qed jiskonta s-sentenza preċedenti tiegħu.

Wara li ħareġ mill-ħabs, huwa kompla jgħin fl-organizzazzjoni tal-avvenimenti, iżda ma setax jimmaniġġja flus jew jidħol f’kuntratti f’isem l-organizzazzjoni.

Skont il-pulizija, Balzan allegatament uża din l-assoċjazzjoni biex jagħti aktar kredibbiltà lill-iskemi tiegħu.

Il-pulizija qalu wkoll li, minkejja li kien jiddeskrivi lilu nnifsu bħala aġent tal-proprjetà, ma nstab l-ebda rekord ta’ impjieg tiegħu mill-2022.

Balzan ġie arrestat l-Erbgħa filgħodu. Id-difiża kkontestat il-validità tal-arrest, iżda l-pulizija kkonfermat li l-arrest kienet sar skont il-liġi.

Wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu, Balzan wieġeb mhux ħati. Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Diġà skonta disa’ snin ħabs

Balzan diġà għandu kundanni preċedenti għal frodi. Fl-2011 kien ikkundannat disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li ffroda lil ħabib tal-familja minn €2,175.

F’każ separat, huwa ġie ikkundannat disa’ snin ħabs wara li nstab ħati li ffroda bidwi Għawdxi €750,000 meta kkonvinċieh li seta’ jiksiblu €6.75 miljun f’fondi tal-UE.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Claire Sammut, assistita mill-Ispetturi Ritienne Gauci u Cheyenne Mangion.

L-avukat Noel Bianco deher għal Balzan.

More in Qrati u Pulizija