L-eks Direttur tat-Times Vince Buhagiar jitlob il-Qorti tnaqqaslu l-ammont ta' flus friżati

Buhagiar jinsab mixli b'ħasil ta’ flus u reati relatati, fuq ħlasijiet li rċieva mingħand kumpanija bbażata f’Ġibiltà, Malmos Ltd, proprjetà tal-eks chief of staff tal-OPM Keith Schembri

Il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi fuq it-talba tal-eks direttur ta' The Times of Malta Vince Buhagiar, biex tirrevedi l-ammont ta' flus milquta minn ordni ta' ffriżar fi proċeduri kriminali kontrih.

Buhagiar jinsab mixli b'ħasil ta’ flus u reati relatati, fuq ħlasijiet li rċieva mingħand kumpanija bbażata f’Ġibiltà, Malmos Ltd, proprjetà tal-eks chief of staff tal-OPM Keith Schembri.

Huwa qed jiġi akkużat li ħadem ma’ Schembri u direttur maniġerjali ieħor tal-Allied Group, Adrian Hillman, biex jifroda eluf minn ftehim li permezz tiegħu Progress Press xtrat makkinarju tal-istampar mingħand Kasco.

Buhagiar beda jaħdem mal-Allied Group fl-1966. Fl-2003, sar chairman ta’ Progess Press, parti mill-Allied Group, li tippubblika l-gazzetta Times of Malta.

Waqt is-seduta ta’ dalgħodu, l-avukata ta' Buhagiar spjegat lill-Qorti li fir-rigward tar-rikors li kien ressaq fl-10 ta’ Novembru, l-akkużat speċifika kemm hu l-ammont li qed jitlob jitnaqqas mill-ordni tal-iffriżar tal-assi.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li se tkun qed tagħti digriet aktar tard. Il-każ ikompli f’Marzu.

More in Qrati u Pulizija