Iben irrapporta lil ommu wara li qabdet issawwat mara oħra

Hija tisħaq li waqt l-attakk kienet qed issofri minn problemi ta' saħħa mentali

Mara ta' 48 sena li attakkat lil mara oħra, tant li weġġatha serjament, saħqet li kellha problemi ta' saħħa mentali waqt il-ħin tal-attakk. Jidher li din il-mara minn Marsaskala ġiet irrappurtatha lill-Pulizija minn binha stess. 

L-Ispetturi Kurt Farrugia u Darren Fabri qalu fil-Qorti li f'Diċembru li għadda l-puliżija rċivew l-informazzjoni minn iben l-akkużata li jindika li aggrediet lil din il-mara. Meta l-Puliżija marru fuq il-post sabu li din il-mara kienet fi stat mentali ħażin tant li ttieħdet l-Isptar Monte Karmeli biex tirkupra. Aktar tard hija rkuprat u ġiet iċċertifikata li tista' tiġi interrogata. 

L-akkużata ma weġbitx meta ġiet mistoqsija jekk hux ħatja jew le. Għalhekk l-avukat Christopher Chircop qal lill-Qorti li ma kinitx se twieġeb għaliex fil-mument tal-attakk kellha problemi ta' saħħa mentali. Huwa talab lill-Qorti biex taħtar esperti psikjatriċi biex jistabilixxu jekk kinitx f'sikkitha meta għamlet l-attakk. 

Jidher li l-ħelsien minn l-arrest ma ntalabx iżda minflok id-difiża talbet lill-Qorti tordna lid-Direttur tal-Ħabs biex jiżgura li l-akkużata tinżamm "f'istituzzjoni li tħares lilha u l-bżonnijiet tagħha."

Il-Qorti ġiet infurmata wkoll li l-akkużata fl-aħħar jiem, b'mod volontarju, daħlet f'faċilità għal aktar għajnuna.  

More in Qrati u Pulizija