Żagħżugħ ta' 15-il sena fuq probation wara li hedded lil ommu

L-ispettur qalet lill-Qorti illi f'dan il-perjodu ż-żagħżugħ kien iffastidja lil-ommu, heddidha u tefa' oġġetti fid-direzzjoni tagħha 

Tifel ta' 15-il sena tpoġġa fuq ordni ta' probation għal sentejn wara li ammetta illi hedded lill-ommu. Il-Maġistrat Doreen Clarke semgħet lill-Ispettur Audrey Micallef tispjega kif it-tifel kien hedded lill-ommu fil-preżenza ta' oħtu nhar l-24 ta' Awwissu tas-sena l-oħra u anke fil-ġranet u ġimgħat qabel din id-data.

L-ispettur qalet lill-Qorti illi f'dan il-perjodu ż-żagħżugħ kien iffastidja lil-ommu, heddidha u tefa' oġġetti fid-direzzjoni tagħha. 

Il-Maġistrat qalet illi fuq din il-materja, għalkemm l-akkużi huma ta' natura gravi, hemm fatturi oħrajn li jeħtieġ ikunu kkunsidrati. Apparti l-età hemm ukoll il-fattur li minn rapporti ta' social workers jirriżulta li l-imġieba tiegħu hija riżultat ta' esperjenzi negattivi meta kien għadu tifel żgħir, kif ukoll riżultat ta' kumpanija ħażina u anke l-użu dejjem jiżdied tiegħu tal-kannabis. 

Il-Qorti osservat kif l-akkużat kien qed jirrifjuta l-għajnuna qabel ma seħħ dan l-inċident, għalkemm meta kien fil-Kustodja tal-Pulizija huwa biddel l-imġieba tiegħu u jidher ukoll li għaddej minn programm ta' rijabilitazzjoni mid-drogi. 

Imma anke wara li ommu aċċettatu lura, l-akkużat mill-ġdid beda joħloq l-inkwiet, filwaqt li missieru irrifjuta li jiktiblu ittra sabiex hu jkun jista' jattendi programm ta' rijabilitazzjoni. 

Wara li rat din l-evidenza kollha il-Qorti poġġiet lill-akkużat fuq probation. 

More in Qrati u Pulizija