L-ebda uffiċjal marbut tal-Electrogas mhu qed jiġi investigat b'rabta mal-qtil ta' Daphne

Dan ħareġ waqt li dalgħodu fil-Qorti kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-avukati l-Ispettur Kurt Zahra

L-Ispettur Kurt Zahra mill-Iskwadra tal-Omiċidji kkonferma li l-Electrogas u uffiċjali tagħha mhumiex qed jiġu investigati b'rabta mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, hekk kif l-istess uffiċjal illum fil-Qorti ddefenda l-mod li bih Yorgen Fenech - eks Direttur tal-Electrogas - kien ingħata l-ħelsien mill-arrest qabel tressaq b'kompliċità f'dan l-assassinju. 

Waqt li kien qed jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Avukat Therese Comodini Cachia - li qed tidher parte civile - jekk hu kienx qed jinvestiga uffiċjali oħrajn tal-Electrogas, primarjament Kathrin Halpin, Salman Rahman, Hayal Ahmadzeda u Turab Musayev, l-Ispettur Zahra wieġeb fin-negattiv. Huwa għamilha ċara iżda li ma jafx jekk sezzjonijiet oħrajn tal-pulizija humiex qed jinvestigaw lil dawn fuq akkużi oħrajn. 

Mistoqsi speċifikament dwar Musayev - mill-Ażerbajġan b'ċittadinanza Skoċċiża u li kellu kuntatt ma' Fenech - l-Ispettur Zahra qal li huwa jista' biss jagħti informazzjoni li ġab minn sorsi ladarba hu mhux involut f'dak l-aspett tal-investigazzjoni. Ikkonferma iżda li Melvin Theuma - li huwa s-sensar fl-assassinju ta' Caruana Galizia - kien semma' lil ċerta wieħed "Turam", li huwa mifhum li kien qed jirreferi allura għal Musayev. 

More in Qrati u Pulizija