Theuma jitlob lill-Qorti biex iżżid mal-akkużati lill-Prim Ministru u lill-Kummissarju tal-Pulizija ...

... kif ukoll lill-Avukat tal-Istat, lill-Avukat Ġenerali, dan fid-dawl tas-sejbiet tal-inkjesta pubblika

L-avukati ta’ Melvin Theuma talbu l-Qorti biex tagħmel lill-Istat parti f’kawża għad-danni mressqa mill-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kontra dawk responsabbli għall-qtil tagħha. 
  
Il-każ kien ġie inizjalment ippreżentat kontra Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bħala l-moħħ wara l-qtil, iżda aktar tard ġie estiż biex jinkludi lil Theuma, Vincent Muscat il-Koħħu, li ammetta li kien involut fil-qtil, kif ukoll lill-aħwa George u Alfred. Degiorgio li huma akkużati li wettqu l-qtil, Robert Agius tal-Maksar u Jamie Vella li huma akkużati li pprovdew il-bomba lill-qattiela tal-ġurnalista.
 
L-avukati ta’ Melvin Theuma kienu ressqu rikors jitolbu li l-Qorti tinkludi lill-Istat fost il-lista ta’ akkużati għat-talba għad-danni mressqa mill-familja Caruana Galizia. Dan fid-dawl tas-sejbiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil li kienet ikkonkludiet li l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-qtil.
 
Ir-rikors ta’ Theuma talav lill-Qorti biex mal-lista tal-akkużati żżid il-Prim Ministru, l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.
 
L-avukati tiegħu sostnew li l-Istat ma kienx ikkontesta s-sejbiet tal-inkjesta pubblika u ma appellax il-kontenut tagħha, billi argumentaw li dan kien ifisser li kellha tkun parti mill-każ.

Is-Sinjura Imħallef Anna Felice se tkun qed toħroġ digriet fuq din it-talba fi Frar.

More in Qrati u Pulizija