'Il-mument li f'pajjiż jidħlu flus maħmuġa dawn jibqgħu problema'; Tkompli l-kumpilazzjoni kontra ħu Darren Debono

Illum xehed Neville Aquilina, Chairperson tal-Bord għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet

Il-mument li jidħlu fil-pajjiż flus maħmuġa, dawn jibqgħu problema. Hekk saħaq Neville Aquilina, Chairperson tal-Bord għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet, li xehed fil-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Pierre Paul Debono, eks Direttur tal-kumpanija World Water Fisheries.

Aquilina ppreżenta tliet rapporti tal-Ġnus Magħquda li mhux biss isemmu lill-kumpanija imma għadd ta’ persuni, bastimenti u kumpaniji Maltin akkużati bi traffikar ta’ riżorsi Libjani bi ksur ta’ sanzjonijiet.

Pierre Paul Debono qed iwieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ ħasil ta’ flus meta b’mod temporanju, bejn l-2014 u l-2016, kien qed jieħu ħsieb il-kumpanija ta’ ħuh World Water Fisheries Ltd.

Huwa qed jiċħad ukoll li kien jaf li qed jagħmel dikjarazzjonijiet foloz lill-Pulizija, li ħeles u anke li ffalsifika dokumenti.

Debono huwa ħu l-eks plejer internazzjonali Malti Darren Debono li jinsab akkużat ukoll bi traffikar taż-żejt u anke b’ħasil ta’ flus.

Filwaqt li spjega kif jaħdem il-panel ta’ esperti tal-Ġnus Magħquda, Aquilina fakkar kif l-eks President Amerikan Barack Obama kien iffirma ordni eżekuttiva fl-2016 li permezz tagħha pprojbixxa lill-Amerikani milli jkollhom affari ma’ persuni li hemm imposti fuqhom sanzjonijiet mill-Ġnus Magħquda u anke ffriża kwalunkwe propjretà li dawn seta’ kellhom taħt ġurisdizzjoni Amerikana.

Dawn is-sanzjonijiet kienu mmirati lejn persuni fil-Libja, f’Malta u anke fl-Eġittu li allegament kienu involuti fit-traffikar taż-żejt mil-Libja.

Kien ġie żvelat kif bastimenti kienu jħallu Malta u jieqfu madwar 40 jew 60 mil nawtiku ‘l barra mil-Libja sakemm ikunu mgħobbija bil-fjuwil. Dawn imbagħad kienu jirritornaw u jibqgħu madwar 12-il mil nawtiku ‘l barra mill-ibħra territorjali Maltin sakemm iż-żejt kien jittieħed minn bastimenti oħra.

Kien hawn li l-Avukat tad-Difiża Franco Debono staqsa jekk Pierre-Paul Debono huwiex imsemmi direttament b’ismu f’dawn id-dokumenti, bix-xhud jgħid li jissemmew żgur il-kumpaniji li kien imexxi.

Huwa ma kienx f’pożizzjoni li jsemmi jekk Pierre Paul Debono kienx imsemmi b’ismu iżda saħaq li Darren Debono kien imsemmi iswed fuq l-abjad.

Il-każ ikompli f’Jannar.

More in Qrati u Pulizija