Jinżamm arrestat raġel li saq għal fuq is-sieħeb tal-eks tfajla tiegħu

Il-każ seħħ fit-22 ta' Novembru fiż-Żejtun meta l-akkużat allegatament saq għal fuq is-sieħeb tal-eks tfajla tiegħu u kkawżalu ġrieħi gravi

Raġel mill-Fgura nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li saq għal fuq is-sieħeb tal-eks tfajla tiegħu.

Ir-raġel tressaq il-Qorti dalgħodu u kien akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq il-vittma, li saq b’mod perikoluż u li kiser ordni ta’ ħelsien mill-arrest.

L-inċident seħħ fit-22 ta’ Novembru fiż-Żejtun, meta l-vittma ttajjar minn BMW X6, allegatament misjuqa mill-akkużat.

Tul is-seduta kien hemm diżgwid dwar l-arrest tal-akkużat, bid-Difiża tisħaq li dan kien wieħed illegali, iżda l-Qorti ma laqgħetx it-talba tagħha.

L-akkużat wieġeb mhux ħati u saret talba għall-ħelsien mill-arrest li l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għaliha.

“L-inċident seħħ barra d-dar tal-eks tfajla tiegħu u saq għal fuq is-sieħeb tagħha li spiċċa jsofri minn ksur u kellu jiddaħħal l-isptar. Hemm il-biża’ li l-akkużat jerġa’ jersaq lejn il-vittma. Qed jgħixu mbeżża’ minnu. Anke t-tifel qed tibża’ ttih,” saħaq l-Ispettur.

Minkejja li d-Difiża saħqet li l-akkużat ma jgħix iż-Żejtun u qed iwiegħed li ma jersaqx lejn il-vittma, il-Qorti ordnat li jinżamm arrestat. 

Talbet ukoll li fis-seduta li jmiss jittellgħu jixhdu x-xhieda kollha, inkluż il-vittma.

More in Qrati u Pulizija