Fenech jiftaħ protest ġudizzjarju kontra Gafà ... Akkuża lill-pulizija li qerdu l-evidenza

Skont id-difiża, il-pulizija kellha provi 'li setgħu jagħtu prova tal-innoċenza ta’ Fenech, u juru li hu qatt ma ried, talab, ordna jew ħallas għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia'

Yorgen Fenech fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, fejn akkuża lill-pulizija li qerdu l-evidenza u talab li jingħata kopja tal-materjali kollha miksuba bħala parti mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din hija l-għaxar talba tiegħu bħal din, fejn qal li dawn kienu meħtieġa għad-difiża tiegħu.

L-avukati ta’ Fenech, Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca, saħqu li l-klijent tagħhom kellu dritt għal smigħ xieraq, li kien jinkludi l-iżvelar tal-provi kollha kontrih.

Fil-protest ġudizzjarju, l-avukati jsostnu li fl-interrogazzjoni ta’ Fenech, li ħadet 10 ijiem, huma kienu għamlu diversi talbiet għall-iżvelar tal-evidenza kollha wara li ngħataw erba' recordings biss ta’ konversazzjonijiet bejn Fenech u Melvin Theuma. Huma kienu konxji li kien hemm aktar evidenza minn hekk u talbu li dawn ukoll jiġu żvelati.

“Il-pulizija rrifjutat li tagħmel dan u llum ħareġ li [Fenech] kellu raġun: dak iż-żmien il-pulizija kellha aktar minn 200 reġistrazzjoni disponibbli." L-Avukati ta' Fenech

Wara li tressaq il-Qorti, it-tim legali ta’ Fenech kien għamel mill-inqas għaxar talbiet għall-iżvelar tal-provi f’idejn il-pulizija, kemm fil-każ ta' interċettazzjonijiet speċifiċi tat-telefon u anke dikjarazzjonijiet magħmula minn terzi fir-rigward tal-qtil.

Skont id-difiża, il-pulizija kellha provi “li setgħu jagħtu prova tal-innoċenza ta’ Fenech, u juru li hu qatt ma ried, talab, ordna jew ħallas għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.” Huma allegaw li l-pulizija kienet iddisponiet xi evidenza sabiex tkun tista’ tippretendi li ma kinitx għadha fil-pussess tal-pulizija minflok għaddietha lid-difiża.

L-avukati temmew l-argument tagġhom billi saħqu li dan kiser id-drittijiet fundamentali ta’ Fenech kif minquxa fil-Kostituzzjoni, il-Konvenzjoni Ewropea, il-Kodiċi Kriminali u direttivi tal-UE.

More in Qrati u Pulizija