'Kont stupidu u idjota li erġajt tajtu ċans' - Qarib ta' Hugo Chetcuti dwar Cmelik

Xhieda kommoventi minn qarib ta' Hugo Chetcuti dalgħodu fil-Qorti hekk kif ikompli l-Ġuri fil-każ kontra Bojan Cmelik, akkużat bil-qtil tal-intraprenditur

Hugo Chetcuti
Hugo Chetcuti

"Jiena kont naf lil ħu Bojan Cmelik, Adam Mitic - li kien wieħed mill-aqwa bartenders li kelli f'Bacco. Darba kien staqsieni biex indaħħal lil Cmelik jaħdem u ngħallmu kif jagħmel ix-xogħol.  Huwa qalli biex ngħinu għax kien twaqqaf minn Hugo's Terrace. Ħija kien jgħallimna biex naħfru u jekk għamilna xi ħaġa ħażina nagħtu ċans ieħor. Kont stupidu u idjota." 

Hekk kien kliem Noel Falzon, sid l-istabbiliment Bacco u li huwa miżżewweġ ma' oħt Hugo Chetcuti, qabel infaqa' jibki hekk kif illum kien qed jagħti x-xhieda tiegħu. Jirriżulta li hu kien keċċa lil Cmelik kemm għax ma kienx jaf jitkellem bl-Ingliż, imma prinċipalment anke minħabba problema ta' attitudni. Iżda mbagħad ħafirlu u reġà daħħlu jaħdem miegħu. 

Bojan Cmelik qed ikun akkużat bil-qtil tal-intraprenditur Hugo Chetcuti. 

"Hugo kien jgħallimna nkunu qalbna tajba ... dan huwa li ħadilna dan," jixhed Falzon fl-Awla, filwaqt li jindika lil Cmelik. 

Huwa kompla jispega kif hu għandu 19-il impjegat, fosthom Serbjani, Taljani, Franċiżi, Ġappuniżi u anke Tajlandiżi li lkoll jitkellmu bl-Ingliż. Qal li għalhekk għamel regola li kull min jaħdem miegħu jrid jitkellem bl-Ingliż. 

Minkejja dan iżda Falzon qal li hu ma kienx keċċa lil Cmelik għax kien qed jitkellem bis-Serbjan, iżda għax meta waqqfu proprju għaliex kien qed jitkellem bil-lingwa tiegħu huwa wieġbu: "Jekk irrid nitkellem bis-Serbjan, hekk nagħmel! (if I want to speak Serbian, I fucking will). Ma kienet togħġobni xejn l-attitudni tiegħu ... Mr.Nobody!" għajjat Falzon fid-direzzjoni tal-akkużat

Viżibbilment emozzjonat Falzon reġa' qal li Cmelik "Ħadulna! Għalfejn? Għalfejn? Għalfejn?"

'Mort narah l-ITU ... qalli li ma kienx jaf għaliex ġara hekk ... ma kienx jafu'

Xehed ukoll Isaac Chetcuti, ħu Hugo li ddeskriva dak li ra jseħħ quddiem għajnejh.

“Smajna lil xi ħadd jgħajjat isem ħija u t-tnejn li aħna ħarisna biex naraw min kien qed jgħajjat. Il-vuċi kienet ġejja min-naħa ta’ Bar Native,” spjega. “Ġie b’idejh il-fuq, daqslikieku se jgħannaq lill-ħija. Rajtu jżomm għonq ħija u mbagħad jagħtih żewġ daqqiet fl-istonku.”

B’leħnu miksur, qal li nnota lil ħuh jitgħawweġ ‘il quddiem u nduna li xi ħaġa ħażina ġrat u mar biex jisseparahom.

Insista li minn wiċċu, Hugo’s ma għarafx lill-persuna li kienet qed tgħajjatlu.

“Imma hu kien ikun dejjem imdawwar u jitkellem man-nies. Kien dħuli ħafna,” insista.

Qal li hu tkellem ma’ ħuh l-għada, meta t-tobba tal-ITU infurmawh li kien ħiereġ mill-koma.

“L-ewwel ħaġa li qalli kien li ma jafx għaliex. Lanqas biss kien jaf lill-persuna,” kompla jirrakkonta. Qal li kien muġugħ ħafna.

Kompla jisħaq li reġa’ mar jarah l-għada u kien mugħugħ ħafna.

Mistoqsi kif affettwatu l-mewt ta’ ħuh, ix-xhud qal li Hugo kien qisu missieru.

“Dejjem kien hemm għalija. It-telfa tiegħu hija kbira wisq,” kompla bid-dmugħ f’għajnejh.

More in Qrati u Pulizija