Raġel jiftaħ każ il-Qorti kontra multa ta' €10,000 li qala' għax ma obdiex il-kwarantina

L-avukati qed jgħidu li din il-multa hija tali li tammonta għal akkuża kriminali u qed jitolbu li tkun dikjarata 'inkonsistenti mal-Kostituzzjoni'

Raġel li qala' multa ta' €10,000 minħabba li kiser ir-regoli tal-Covid-19 fetaħ proċeduri l-Qorti hekk kif qed jinsisti li din il-multa hija illegali, bl-avukati tiegħu jargumentaw li dan l-ammont huwa prattikament dak li jingħata f'akkużi kriminali u jgħidu wkoll li dan iwassal biex jinkser id-dritt tiegħu ta' smigħ xieraq. 

Ir-raġel ingħata din il-multa lura fl-10 ta' Marzu wara li ma obdiex ir-regoli tal-kwarantina - liema ksur ta' regola hija punibbli b'multa ta' €10,000. Huwa kkontesta l-multa iżda ftit żmien wara huwa kien mitlub jidher quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja f'Ġunju. 

F'deċiżjoni preliminari nhar is-16 ta' Settembru 2021 il-Kummissarju tal-Ġustizzja ma aċċettax it-talbiet tal-appellant fuq il-bażi li t-Tribunal kien qed jaġixxi fuq liġi li kienet għaddiet mill-Parlament. B'hekk infetaħ każ il-Qorti.

Huwa qed jgħid li d-deċiżjoni tat-Tribunal turi b'mod ċar li d-drittijiet fundamentali tal-applikanti "mhumiex u mhux se jkunu salvagwardjati." Huwa sostna illi ladarba l-multa hija l-istess għal kulħadd mhijiex intiża bħala kumpens għad-danni, imma bħala deterrent ta' daqs konsiderevoli, li jfisser illi l-offiża hija intrinsikament kriminali u allura l-każ jeħtieġ jinstema' minn ġurisdizzjoni kriminali. 

L-avukati talbu biex l-artiklu fil-liġi li ppermetta din il-multa ikun iddikjarat inkompatibbli u inkonsistenti mal-Kostituzzjoni. 

L-avukati Ivan Mifsud, Natalino Caruana De Brincat u Joseph Calleja iffirmaw l-applikazzjoni.

More in Qrati u Pulizija