Raġel ta’ 61 sena, li jaħdem bħala receptionist ta’ skola, tressaq il-Qorti akkużat b’fastidju sesswali fuq tliet ħaddiema tas-sigurtà.
Ir-raġel, residenti Wied il-Għajn, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, jiġifieri li wettaq atti sesswali mingħajr kunsens u fastidju sesswali, fost oħrajn.
Fil-Qorti huwa deher eċitat, beda jitriegħed u anke jibki.
L-Ispettur Joseph Busuttil, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni ma’ Roxanne Tabona, qal lill-Qorti li l-akkużat kien qed jitlob favuri sesswali mingħand żewġ ħaddiema nisa u anke raġel. Dawn it-tlieta jaħdmu bħala uffiċjali tas-sigurtà.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat anke għax hemm ħames xhieda, li erba’ minnhom jaħdmu miegħu.
Madanakollu id-Difiża fakkret li l-akkużat għadu ħiereġ mill-isptar, iżda l-Ispettur Busuttil, filwaqt li kkonferma li wara l-arrest tiegħu, l-akkużat beda jbati minn uġigħ f’sidru, inħareġ mill-isptar b’ċertifikat ta’ saħħa pożittiv.
Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.