“Ma rridx immur il-ħabs.” Hekk għajjat fil-Qorti żagħżugħ ta’ 22 sena li tressaq akkużat li attakka u kkawża ġrieħi fuq Terry Muscat, magħrufa aħjar bħala Terry ta’ Bormla.
Iż-żagħżugħ tressaq quddiem il-Maġistrat Lare Lanfranco akkużat mill-Ispettur Eman Hayman li kkawża ġrieħi gravi fuq Muscat, li insulentaha u anke heddida. Kien akkużat ukoll b’pussess ta’ droga u li kiser ordni ta’ probation.
Terry Muscat tellgħet ritratti tagħha, bid-demm nieżel ma' wiċċha wara li ġiet attakkata.
L-Ispettur qal li kienet il-vittma stess li marret l-għassa tal-Pulizija, mimlija demm biex tirrapporta l-każ.
Jidher li l-argument inqala’ fuq il-mowbajl ta’ Muscat hekk kif l-akkużat ried jużah.
Qal ukoll li Terry Muscat kienet ilha tliet xhur tgħix imbeżża’ mal-akkużat, li skont l-Ispettur għandu problema kbira ta’ droga.
L-Akkużat ċaħad l-akkużi. Minkejja li saret talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ma aċċettatx it-talba waqt li fakkret li dan huwa każ ta’ vjolenza domestika u hemm ċans li l-akkużat jerġa’ jħebb għall-vittma.
Id-Difiża talbet li l-akkużat jinżamm f’dipartiment forensiku jew inkella ma’ persuni vulnerabbli biex ma jkollux kuntatt ma’ ċertu individwi fil-ħabs li “jistgħu jweġġgħuh.”
“Se nitlaq mill-ħabs mgħallaq. Fuq il-kuxjenza tiegħek Spettur,” għajjat l-akkużat. Kien għalhekk li l-Qorti ordnat li l-akkużat ikun eżaminat minn tabib qabel jittieħed il-ħabs.
“Għandi ħafna għedewwa l-ħabs. Jekk immur il-ħabs se joqtluni,” kompla jisħaq l-akkużat meta ġie eskortat barra mill-Qorti.